• San Mark 6:17-29

    Għax kien Erodi stess li bagħat jarresta lil Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu, billi kien iżżewwiġha hu. Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk.” Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kinitx tista’, għax Erodi, li kien jaf x’raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża’ minnu; u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa’ mħasseb ħafna wara li jisimgħu.

    Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lill-aqwa nies tal-Galilija. Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: “Itlobni kull ma trid, u jien nagħtik kull ma titlobni.” U qalilha u ħalfilha: “Titlobni x’titlobni kollox nagħtik, mqar nofs is-saltna tiegħi.” Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: “Tgħid x’nitolbu?” “Ras Ġwanni l-Battista,” weġbitha dik. Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: “Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt.” Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jarġa’ lura mill-kelma li taha. Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta’ madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; mbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha. Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar.

    Festa tal-jum: Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista