Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Iż 30:19-21,23-26
Salm:
146 (147):1-2,3-4,5-6

L-Evanġelju: Mt 9:35 – 10:1,6-8

F’dak iż-żmien, Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.

Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. U tahom dawn l-ordnijiet: “Morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.

Qaddis tal-jum: San Franġisk Saverju, presbiteru