• San Filippu u San Ġakbu, Appostli – Festa
    Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: 1Kor 15,1-8
    Salm: 18, 2-5

    L-Evanġelju: Ġw 14, 6-14

  • F’dak iż-żmien: Ġesù qal lil Tumas: “Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija. Kieku għaraftu lili, kontu tagħarfu wkoll ’il Missieri. Minn issa ’l quddiem tagħarfuh u rajtuh.” Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.”

    Ġesù wieġbu: “Ili daqshekk magħkom, u int, Filippu, għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier ukoll. Kif tasal int li tgħid. ‘Urini l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn rajja, iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed iwettaq l-għemil. Emmnuni! Jien fil-Missier u l-Missier fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnu minħabba fl-għemil stess.

    Fis-sewwa fis-sewwa ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-għemil li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnu għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier. U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun imsebbaħ f’Ibnu. Iva, jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.”