• San Luqa 14:15-24

    Wieħed minn dawk li kienu miegħu għall-mejda, meta semgħu jgħid dan, qallu: “Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla!” Iżda hu wieġeb: “Wieħed raġel għamel pranzu kbir u stieden ħafna nies. Meta sar il-ħin għall-ikel, bagħat lill-qaddej tiegħu għand il-mistednin biex jgħidilhom, ‘Ejjew, għax ġa lest kollox.’ Imma lkoll xorta waħda bdew isibu xi skuża. L-ewwel wieħed qallu, ‘Xtrajt għalqa, u jeħtieġli mmur naraha; nitolbok tagħdirni.’ Ieħor qallu, ‘Xtrajt ħames żwieġ barrin, u sejjer nara x’jagħtu; nitolbok tagħdirni.’ Ieħor qallu, ‘Iżżewwiġt, għalhekk ma nistax niġi.’ Il-qaddej raġa’ lura għand sidu u qallu kollox. Is-sinjur, b’korla fuqu, qal lill-qaddej tiegħu, ‘Ħaffef, oħroġ fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja uz-zopop.’ Il-qaddej imbagħad qallu, ‘Sar kif ordnajt int, sinjur, u għad hemm il-wisa’. ‘Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi,’ qal is-sid lill-qaddej, ‘u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela. Għax kif ngħidilkom jien, ebda wieħed minn dawk li kienu mistiedna ma jduq l-ikel tiegħi.’ “

    Qaddisin tal-jum: San Martin ta’ Porres, Reliġjuż,  San Umbertu, Isqof