• San Luqa 4:16-30

    F’dak iż-żmien, Ġesù ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

    “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

    Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

    U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”.

    Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: “Tabib, fejjaq lilek innifsek; dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll””.

    U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”.

    Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.