• Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Kol 1, 1-8
    Salm: 51 (52), 10.11

    L-Evanġelju: Lq 4, 38-44

  • F’dak iż-żmien, Ġesù qam u telaq mis-sinagoga, u daħal għand Xmun. Issa omm il-mara ta’ Xmun kellha fuqha deni qawwi, u talbuh jgħinha. Resaq fuqha, ordna lid-deni, u d-deni ħallieha. U minnufih qamet u bdiet isservihom.

    Hija u nieżla x-xemx, dawk kollha li kellhom il-morda, kien x’kien il-mard tagħhom, ħaduhomlu quddiemu. Hu qiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom u fejjaqhom. Minn ħafna nies bdew joħorġu wkoll ix-xjaten, jgħajtu u jgħidu: “Inti Bin Alla!”. Iżda hu kien jheddidhom u ma ħallihomx jitkellmu, għax huma kienu jafu li hu l-Messija.

    Meta sebaħ, ħareġ u mar f’post imwarrab. In-nies bdew ifittxuh u marru ħdejh u riedu jżommuh biex ma jitlaqx minn ħdejhom. Iżda hu qalilhom: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut”. U kien jipprietka fis-sinagogi tal-Lhudija.