Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Ġer 31, 1-7
Salm: Ġer 31, 10.11-12ab.13

L-Evanġelju: Mt 15, 21-28

F’dak iż-żmien, Ġesù ħareġ minn hemm u telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David! Binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna”. Iżda hu ma weġibhiex kelma.

Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”. Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni, Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej”, qaltlu: “iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.