It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej – Festa
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Dan 7, 9-10. 13-14
Salm: 96, 1-2.5-6.9
It-Tieni Qari: 2 Pt 1, 16-19

L-Evanġelju: Mt 17, 1-9

Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. 

Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.”

Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”