Ġw:18,1-19,42

Kif qal dan, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam għan-naħa l-oħra tal-Wied ta’ Kedron; hemmhekk kien hemm ġnien, u daħal fih mad-dixxipli tiegħu. Ġuda, dak li ttradih, kien jafu l-post, għax Ġesù kien sikwit jinġabar hemm mad-dixxipli tiegħu. Ġuda ħa ġemgħa suldati u xi għases mingħand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, u mar bihom hemmhekk, bil-fanali, torċi u armi. Ġesù, li kien jaf b’kull ma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom: “Lil min qegħdin tfittxu?” Huma weġbuh: “Lil Ġesù ta’ Nazaret.” U hu qalilhom: “Jiena hu.” Ġuda, dak li ttradih, kien hemm magħhom huwa wkoll. Kif Ġesù qalilhom, ‘Jiena hu’, huma resqu lura u waqgħu ma’ l-art. “Lil min qegħdin tfittxu?” raġa’ staqsiehom. U huma qalulu: “Lil Ġesù ta’ Nazaret.” Ġesù weġibhom: “Għedtilkom li jiena hu. Jekk qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru.” Dan sar biex iseħħ dak li Ġesù kien qal, ‘Minn dawk li tajtni, anqas wieħed biss ma tlift.’ Xmun Pietru kellu sejf, siltu, u darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Dan il-qaddej kien jismu Malku. Imma Ġesù qal lil Pietru: “Erġa’ daħħal is-sejf fl-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” Mbagħad is-suldati u l-kaptan tagħhom flimkien ma’ l-għases tal-Lhud, qabdu lil Ġesù u rabtuh. L-ewwel ħaduh għand Anna, billi dan kien missier il-mara ta’ Kajfa, il-qassis il-kbir f’dik is-sena. Kajfa kien dak li ta parir lil-Lhud li jkun jaqbel li bniedem wieħed imut għall-poplu. Xmun Pietru u dixxiplu ieħor marru wara Ġesù. Dan id-dixxiplu kien midħla tal-qassis il-kbir, u għalhekk daħal fil-bitħa            tal-qassis il-kbir flimkien ma’ Ġesù. Imma Pietru baqa’ barra ħdejn il-bieb. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien midħla tal-qassis il-kbir, ħareġ ikellem lill-purtinara, u daħħal lil Pietru ġewwa. Il-qaddejja li kienet mal-bieb qalet lil Pietru: “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli ta’ dan ir-raġel?” Hu weġibha: “Le, m’iniex.” l-qaddejja u l-għases kienu kebbsu n-nar mill-faħam, għax kien il-bard, u qagħdu hemm għas-sħana. U Pietru wkoll qagħad magħhom ħas-sħana. Il-qassis il-kbir staqsa lil Ġesù fuq id-dixxipli u t-tagħlim tiegħu. Ġesù wieġbu: “Jiena tħadditt fil-beraħ, quddiem kulħadd. Għallimt dejjem fis-sinagoga u fit-tempju fejn jinġabru l-Lhud kollha, u bil-moħbi ma għedt xejn. Għalfejn qiegħed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħuni, x’għedtilhom. Huma jafu x’għedt.” Kif qal hekk, wieħed mill-għases li kien ħdejh ta daqqa ta’ ħarta lil Ġesù u qallu: “Hekk twieġbu lill-qassis il-kbir?” Ġesù qallu: “Jekk jien għedt xi ħaġa m’hix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ idejk fuqi?” Mbagħad Anna bagħat lil Ġesù marbut għand Kajfa, il-qassis il-kbir. Xmun Pietru mela kien qiegħed hemm għas-sħana; u qalulu: “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?” Imma hu ċaħad u qal: “Le m’iniex.” Wieħed mill-qaddejja tal-qassis il-kbir, li kien jiġi minn dak ir-raġel li Pietru kien qatagħlu widintu, qal: “Mela jiena ma rajtekx miegħu fil-ġnien?” Pietru ċaħad għal darb’oħra; u minnufih idden is-serduk. Mbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Kajfa għall-Pretorju. Kien filgħodu kmieni. Huma ma daħlux fil-Pretorju, għax ma ridux jitniġġsu, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ikla ta’ l-Għid. Pilatu ħareġ barra ħdejhom u qalilhom: “X’akkuża għandkom kontra dan ir-raġel?” U huma weġbuh: “Li kieku dan ma kienx raġel ħażin aħna ma konniex nagħtuh f’idejk.” Pilatu qalilhom: “Ħuduh intom, u ġġudikawh intom skond il-liġi tagħkom.” Imma l-Lhud qalulu: “Aħna ma għandna setgħa noqtlu lil ħadd.” Dan ġara biex iseħħ dak li Ġesù kien qal meta fisser kif kellu jmut. Pilatu raġa’ daħal fil-Pretorju, sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?” Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?” Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi m’hijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati m’hijiex ta’ hawn.” Pilatu qallu: “Mela int sultan?” U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.” Pilatu qallu: “U l-verità x’inhi?” Issa intom għandkom id-drawwa li neħilsilkom wieħed fil-Għid. Tridunix neħilsilkom lis-sultan tal-Lhud?” Hawn huma mill-ġdid bdew jgħajjtu u jgħidu: “Mhux lil dan, imma lil Barabba.” Dan Barabba kien brigant. Mbagħad Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesù u jagħtuh is-swat. Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu: “Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud?” U bdew jagħtuh bil-ħarta. Għal darb’ oħra Pilatu ħareġ barra jgħidilhom: “Araw, se nġibhulkom quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jien ma nsib ebda ħtija fih.” U Ġesù ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom: “Arawh, hawn hu l-bniedem?” X’ħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajjtu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu?” Pilatu qalilhom: “Ħuduh u sallbuh intom; jiena ma nsib ebda ħtija fih.” Il-Lhud weġbuh: “Aħna għandna liġi, u skond din il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla.” Meta sama’ dan, Pilatu aktar baża’. Raġa’ daħal fil-Pretorju u qal lil Ġesù: “Int mnejn int?” Imma Ġesù ma wieġbu xejn. Għalhekk Pilatu qallu: “Lili ma tkellimx? Ma tafx li jiena għandi s-setgħa neħilsek u għandi s-setgħa nsallbek?” Ġesù wieġbu: “Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq; għalhekk min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar.” Minn dak il-ħin ‘il quddiem Pilatu beda jfittex kif jeħilsu; imma l-Lhud issuktaw jgħajjtu u jgħidu: “Jekk teħles lil dan, tiksirha ma’ Ċesari, għax kull min jagħmel lilu nnifsu sultan ikun qiegħed jeħodha kontra Ċesari.” Meta semagħhom jgħidu dan, Pilatu ġieb lil Ġesù barra u qiegħdu fuq sedja għolja, fil-post imsejjaħ Litòstrotos, bil-Lhudi Gabbatà.Kien Jum it-Tħejjija ta’ l-Għid, għall-ħabta tas-sitt siegħa. Pilatu qal lil-Lhud: “Arawh is-sultan tagħkom?” Dawk infexxew jgħajjtu: “Għall-mewt! Għall-mewt! Sallbu?” Pilatu qalilhom: “Jien se nsallab lis-sultan tagħkom?” Imma l-qassisin il-kbar weġbuh: “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari?” Fl-aħħar tahulhom f’idejhom biex isallbuh. Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi Golgota. Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub,”Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud.” Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu: “Ma kienx imissek tikteb, ‘Is-sultan tal-Lhud,’ imma li ‘Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud.’?” Pilatu wieġeb: “Issa li ktibt ktibt?” Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha.” Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid, Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Mbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu. Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx?” Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba ta’ l-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum?” Mbagħad mejjel rasu u radd ruħu. Billi kien Jum it-Tħejjija ta’ l-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu -iġsma. Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn ta’ l-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid, U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid, Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex ta’ l-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.