L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Għalkemm ġieli nħawduhom, hemm differenza bejn premju u rigal. Premju jagħtuhulek għal xi ħaġa li tkun ħdimt għaliha u li ksibt, pereżempju għax tmur tajjeb ħafna f’eżami. Premju jagħtuhulek għax ikun ħaqqek, għax tkun stinkajt, għax ikun mertu tiegħek.

Rigal mhux hekk. Rigal – fis-sens proprju tal-kelma, għax kultant qlibna s-sens proprju tal-kliem – jagħtihulek xi ħadd bil-qalb, bi mħabba. Kultant, sfortunatament, il-kelma tintuża ħażin, pereżempju xi ħadd jagħti ‘rigal’ biex jikseb xi ħaġa li mhijiex tiegħu, biex ixaħħam; jew ‘rigal’ li jsir qisu obbligu. Imma dak hu s-sens ħażin. Rigal proprjament ikun ħiereġ mill-qalb ta’ xi ħadd li jixtieq jagħtik xi ħaġa proprju b’sinjal tal-imħabba tiegħu jew tagħha.

Mhux għax aħna tajbin imma għax hu tajjeb

L-Ewkaristija, li qed niċċelebraw il-festa tagħha b’mod speċjali llum, mhijiex premju għat-tajbin. Mhijiex premju għax aħna tajbin. Mhijiex premju għall-mertu tagħna jew għax jistħoqqilna. L-Ewkaristija hi rigal. Hi rigal mingħand Alla li ried li jwaqqaf l-Ewkaristija bħala l-ikbar sinjal tal-imħabba tiegħu għalina. Għalhekk Ġesù, fl-Aħħar Ċena, għamel xi ħaġa li lid-dixxipli ħasdithom, għax ma kinux qed jistennewha, qishom qed jistennew li jiġu ppremjati għal xi ħaġa.

Hu ried jagħtihom dan ir-rigal. Ried  iwaqqaf l-Ewkaristija bħala ċ-ċelebrazzjoni li tfakkar u terġa’ tagħmel preżenti  l-misteru tal-mewt u tal-qawmien tiegħu. Għalhekk l-Ewkaristija hi rigal speċjali. Mhux għaliex Ġesù ried iħallilna xi ħaġa minn tiegħu b’tifkira biex meta nħarsu lejha, niftakru fih. L-Ewkaristija mhix tifkira minn tiegħu, mill-affarijiet tiegħu. L-Ewkaristija hi l-preżenza reali tiegħu, l-għotja tiegħu nnifsu. Għalhekk rigal speċjali għax mhux qed jagħtina xi ħaġa imma qed jagħtina lilu nnifsu. Dak hu l-kliem li smajna fl-Evanġelju, u li ngħidu dejjem f’kull quddiesa: “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom … Dan huwa demmi li jixtered għalikom”. Hi din l-għotja ta’ Ġesù bħala l-ikbar rigal għalina.

Id-dixxipli fehmu dan. Kienu nies dgħajfa, u ftit wara dal-kliem ta’ Ġesù, kien se jkollhom esperjenza speċjali tad-dgħufija tagħhom meta ħafna minnhom ħarbu. Kienu jafu, għalhekk, li Ġesù qed jagħtihom l-Ewkaristija mhux biex jippremjahom għal xi ħaġa li għamlu, imma bħala l-ikbar rigal tal-imħabba tiegħu. Għalhekk l-Ewkaristija mhijiex premju għat-tajbin, imma rigal għax hu – Ġesù – huwa tajjeb.

Rigal li nirċevuh bi gratitudni

Illum qed niċċelebraw il-festa ta’ Corpus Domini biex infakkru dak li kull darba niċċelebraw meta niltaqgħu għall-Ewkaristija hawnhekk; infakkru b’mod speċjali dan ir-rigal kbir ta’ Alla għalina. Ikun tajjeb li niftakru fl-Ewwel Tqarbina tagħna tant snin ilu. Ħafna minna żgur irċevejna l-Ewwel Tqarbina meta konna żgħar. Dakinhar, għalkemm żgħar, stajna nifhmu l-aktar ħaġa importanti: li l-Ewkaristija hi l-preżenza ta’ Alla li qed nirċievu fina, u li dan hu rigal tiegħu. Għalhekk qalbna kienet mimlija gratitudni lejn Alla, ringrazzjament għal din l-imħabba kbira tiegħu lejna.

Dan iż-żmien tal-pandemija li għexna – u li għadna fih – speċjalment fix-xhur li għaddew, kien żmien pjuttost twil fejn ħafna min-nies ma setgħux jirċievu l-Ewkaristija. Kienet esperjenza li tixbah dak li, fil-fatt, ukoll għaddejna minnu: li kultant kellna nkunu ’l bogħod mill-għeżież tagħna. Kellna nsibu mezzi kif inżommu l-kuntatt, imma kellna dan ’il bogħod minn xi wħud li huma l-aktar għeżież għalina, u ma stajniex inkunu daqshekk viċin tagħhom. L-istess, il-preżenza tal-Ewkaristija kienet kultant f’ċertu bogħod f’dan is-sens – ma stajniex nirċievu lil Ġesù fina. Illum l-affarijiet huma aħjar, u tajjeb għalhekk li niftakru kemm hu importanti li meta ma nkunux imfixkla minn xi ħaġa bħalma kienet il-pandemija jew mard ieħor, nirċievu l-Ewkaristija għax dak hu r-rigal li Alla tana biex lilna jsostnina fil-ħajja tagħna, imexxina ’l quddiem. Hu aħna li nitilfu jekk inwarrbu dan ir-rigal li Alla tana.

Rigal li jgħinna biex ħajjitna tkun rigal għall-oħrajn

Hemm ħaġa importanti ħafna u sabiħa li tagħmel fina l-Ewkaristija meta aħna nirċevuha tassew bil-qalb u nħallu lil Ġesù jaħdem fina. Meta nirċievu l-Ewkaristija fina – il-preżenza ta’ Ġesù –  hu jibdilna aktar u aktar fih. Speċjalment f’dan: l-Ewkaristija hi l-għotja ta’ Ġesù lilna, u lilna jgħinna, bil-preżenza tiegħu fina, biex ħajjitna tkun l-għotja tagħna lill-oħrajn, rigal għall-oħrajn.

B’liema mod tkun rigal għall-oħrajn? Araw id-differenza. Meta nħarsu lejn l-oħrajn u narawhom biss bħala x’nista’ nieħu minn dan jew din, x’nista’ nakkwista, kif se tgħinni biex jien inkun aħjar – araw id-differenza bejn dal-mod kif inħarsu, u bejn li nagħmlu  ħajjitna bħala don għall-oħrajn biex il-ħajja tal-oħrajn tkun isbaħ.

Għandna ħafna esperjenzi sbieħ. Biżżejjed taħseb kultant fil-ġenituri ma’ wliedhom – kemm ġenituri huma eżempju ta’ x’jiġifieri tgħix l-Ewkaristija f’dan is-sens, bħala għotja, bħala don għall-oħrajn! Iqiegħdu fuq quddiem il-ġid ta’ wliedhom u jaħdmu biex il-ħajja tagħhom tkun isbaħ, u hemmhekk qed jgħixu tassew dak li Ġesù jġib fina. Kemm nies ukoll jaħsbu f’dawk li huma fil-bżonn, għalihom kull persuna fil-bżonn hi dik li jippruvaw jgħinu, u hemmhekk jgħixu dak li jġib Ġesù fina! Bħalma hu jingħata lilna, hekk jgħinna biex ħajjitna tkun għotja għall-oħrajn. Hemm nintebħu x’jiġifieri l-paċi li ġġib fina l-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, u kemm tagħmel isbaħ il-ħajja tagħna, u isbaħ il-ħajja ta’ dawk kollha li jmissu magħna, li b’xi mod niltaqgħu magħhom.

Aħna u niċċelebraw l-Ewkaristija, ejjew nitolbu lill-Mulej biex dejjem ngħożżu dan l-isbaħ rigal tal-imħabba tiegħu, li nirċevuh dejjem ippreparati u b’qalb miftuħa, u li nħalluh jaħdem fina biex minna lkoll Ġesù jagħmel għotja, don sabiħ, ħalli nsebbħu l-ħajja tal-oħrajn.  

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju