• I QARI

    Mill-Ktieb ta’ Isaija 63:16b-17.19b.64:2b-7

    Int, Mulej, missierna, ismek il-Feddej tagħna sa minn dejjem. Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu minn triqatek, u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek? Erġa’ lura, minħabba l-qaddejja tiegħek,
    it-tribujiet li huma wirtek. Għaliex rifsu l-ħżiena fis-santwarju tiegħek, u l-għedewwa tagħna middew riġlejhom fit-tempju tiegħek? M’hux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm, u sa mill-qedem qatt ma smajna bihom! Widna qatt ma semgħet, għajn qatt ma rat Alla bħalek, Alla li jħabrek għal min jittama fih. Int tilqa’ lil min jagħmel is-sewwa bil-ferħ, lil dawk li jiftakru fi triqatek. Ara! Int kont mgħaddab għalina,u aħna dnibna. Domna fi dnubna, u kontrik qomna għal ħafna żmien.  
     
    Tniġġisna lkoll kemm aħna, bħal ċarruta maħmuġa l-aħjar għemejjel tagħna; bħal werqa lkoll dbilna
    u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna. Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek, li jitħarrek biex iżomm miegħek.
    Għax int ħbejt wiċċek minna, u rħejtna f’idejn ħżunijietna. Madankollu, Mulej, int missierna;
    aħna t-tafal, u inti l-fuħħari; aħna lkoll għemil idejk.

    SALM RESPONSORJALI
    Salm 80(79):2-3.15-16.18-19

    O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,
    Int li qiegħed fuq il-kerubini,
    Qajjem il-qawwa tiegħek,
    u ejja ħa ssalvana.

    Erġa’ ejja, Alla ta’ l-eżerċti;
    ħares mis-sema, u ara,
    u żur ‘il din id-dielja.
    Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek,
    ir-rimja li int kabbart għalik.

    Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,
    fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
    Aħna ma nitbegħdux minnek;
    roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu ismek.


    II LEZZJONI
    1 Kor 1, 3-9

    Grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu. Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù;  fih intom stagħnejtu f’kollox, f’kull kelma, f’kull għerf  daqs kemm ix-xhieda ta’ Kristu kienet imwettqa fikom. Għalhekk m’intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Huwa hu li jwettaqkom sa l-aħħar biex tkunu bla ħtija fil-jum ta’ Sidna Ġesù Kristu. Alla jżomm kelmtu, minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta’ Ibnu Sidna Ġesù Kristu.

    EVANĠELJU
    San Mark 13, 33-37 

    “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar. Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux fil-għaxija, jew f’nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ,  li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin. U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”