L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Is-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin” (Lq 16:8). Din is-sentenza fl-Evanġelju llum taħsadna. Ara li nisimgħu fuq serq, qerq, tbagħbis fin-numri, amministrazzjoni ħażina, tberbiq tal-ġid – kollu ikrah u ikrah ħafna, imma qisu ma jissorprendiniex! Imma li s-sid ifaħħar lill-amministratur ħażin, dik hija ħaġa stramba. Kont tistenna li s-sid jirrabja, jagħtih ħasla, u jirrabja aktar meta jinduna li dan baqa’ sal-aħħar iberbaqlu ġidu.

X’kienet l-akkuża kontra dan l-amministratur? Xlewh li kien qed iberbaq ġid is-sid. Kienet vera din l-akkuża jew kienet falza? Mill-Evanġelju jidher li kienet vera, anke minn kif ġab ruħu dan l-amministratur. Għax meta s-sid sejjaħlu, u qallu “Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek?” (Lq 16:2), ma ddefendiex ruħu, ma qallux: dawn kollha xnigħat foloz! Mhux biss, imma baqa’ sal-aħħar iberbaq ġid is-sid, għax sab mezz kif jipprova jagħmel ħbieb ma’ dawk li kellhom id-dejn mas-sid, billi jgħidilhom jibdlu ċ-ċifra ta’ kemm iridu jagħtu, u tkun inqas.

Għalhekk din l-istorja l-iktar li taħsadna hija meta naqraw li s-sid faħħar lil dan l-amministratur ħażin. Imma ta’ xiex faħħru? Ma faħħrux tal-qerq, tas-serq, li berbaq ġid is-sid, tal-amministrazzjoni ħażina. Ma faħħrux għalhekk! Imma faħħru “talli ħadem b’rasu”. U jispjega aktar Ġesù, għax jgħid: “Għax ulied id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom” (Lq 16:8).

X’inhu l-messaġġ li Ġesù qed jagħti lilna permezz ta’ din il-parabbola? L-ewwel nett iridna li dak li hu ħażin insejħulu ħażin. Dwar l-amministratur Ġesù mal-ewwel jgħid “amministratur ħażin” (Lq 16:8). Għax huwa ħażin  li tisraq, li tqarraq, li b’xi mod jew ieħor tberbaq il-ġid ta’ ħaddieħor, li tikteb ukoll figuri foloz u li tagħmel il-korruzzjoni. Dawn kollha Alla jistmerrhom, anke meta jsiru minn taħt, fejn ma jidhrux.  Għax Alla jara kollox, anke dak li jsir minn taħt. Għalhekk l-ewwel ħaġa hi: dak li hu ħażin hu ħażin. It-tieni, irridu noqogħdu attenti ma nsirux kompliċi aħna. Dawn in-nies li kellhom id-dejn mas-sid, kellhom jagħtuh, spiċċaw kompliċi, anke jekk mhux bilfors indunaw x’qed jagħmlu – fis-sens li jista’ jkun li ħasbu li s-sid bagħat lill-amministratur biex inaqqas iċ-ċifra. Imma hi x’inhi, spiċċaw kompliċi fil-qerq ta’ dan l-amministratur. U aħna rridu nkunu attenti ma nsirux kompliċi f’dak li hu ħażin.

Imbagħad l-akbar messaġġ li jagħtina Ġesù hu proprju meta jgħid għaliex is-sid faħħru; jgħid lilna biex aħna wkoll inħaddmu moħħna. Inħaddmu moħħna mhux biex nagħmlu dak li hu ħażin, imma biex nagħmlu dak li hu tajjeb, dak li hu sewwa. Imma nħaddmu moħħna wkoll biex ma nħallu lil ħadd jidħaq bina.  Għax jista’ jkun hemm min idaħħalna fl-ixkora, u aħna rridu noqogħdu ħafna attenti biex ma nħallu lil ħadd iqarraq bina. Ġesù kien qal sentenza, li baqgħet magħrufa, meta bagħat lid-dixxipli tiegħu “bħal ngħaġ qalb l-ilpup”. Qalilhom: “Kunu għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16). Hu dak l-għaqal li għandna bżonn anke biex aħna nimxu tajjeb aħna imma wkoll biex ma nħallu lil ħadd b’xi mod iqarraq bina.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem nimxu b’mod rett u b’onestà kulfejn għandna x’naqsmu ma’ amministrazzjoni; biex noqogħud ħafna attenti li ma nsirux kompliċi fil-ħażen ta’ ħaddieħor; u biex aħna jkollna l-għaqal u l-għerf ħalli nimxu sewwa aħna imma wkoll biex ħadd ma jqarraq bina.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju