L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kiltu mill-ħobż u xbajtu”. Dan hu li Ġesù jgħid lin-nies li tħabtu ħafna biex isibuh. Fil-fatt, din is-silta tiġi ftit wara s-silta meta Ġesù jagħmel il-miraklu u jitma’ ’l fuq minn ħamest elef ruħ b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, u jibqa’ żżejjed ukoll.

Dawn in-nies qasmu għan-naħa l-oħra, u marru Kafarnahum biex isibuh. U meta sabuh lil Ġesù, flok Ġesù wera kemm kien kuntent bil-popolarità – dawn ħadu biċċa triq bħal dik biex jaslu ħdejh – flok feraħ li n-nies qegħdin miegħu, jgħidilhom: “Intom qed tfittxuni mhux għax rajtu sinjali imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu”.

X’naraw f’dal-kliem ta’ Ġesù? L-ewwel ħaġa li tolqotna – kif naraw diversi drabi lil Ġesù – hi li hu ma jfittixx il-popolarità, imma jfittex il-verità. Ma jfittixx li n-nies ikunu miegħu, imma li jgħidilhom il-verità. Hawn hekk jagħmel. Imbagħad, li Ġesù jagħraf il-qalb. Jinduna li hu kien qed jgħallimhom ħafna affarijiet, imma huma, iktar milli jsegwu dak li qed jgħallimhom, kienu qed ifittxu dak li jista’ jipprovdilhom biex huma jkunu jistgħu jieklu u jixbgħu. Għalhekk, wara dak il-miraklu kbir li għamel Ġesù, qalu: tajjeb jekk inkunu miegħu dan, immorru tajjeb miegħu! Għalhekk Ġesù jgħidilhom: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”. Jiġifieri qed jgħidilhom Ġesù: agħrfu li fil-ħajja hemm dak li jibqa’ u hemm dak li jgħaddi. U l-isforzi tagħkom għandkom tagħmluhom għal dak li jibqa’, mhux għal dak li jgħaddi.

Dal-kliem tiegħu lilna jagħmlilna ħafna ġid, għax jista’ jiġrilna aħna wkoll li nitħabtu għal dak li jgħaddi. Mhux bilfors għax infittxu l-ħobż bħal dan-nies; mhux l-ikel biss, jistgħu jkunu ħafna affarijiet oħra fejn aħna nitħabtu u nirsistu u naħdmu, imma jkun għal affarijiet li jgħaddu, tal-mument. Qisna biex aħna nkunu sodisfatti u nieħdu pjaċir għal dak il-mument, imbagħad dak jgħaddi. Għalhekk Ġesù jgħid: tħabtu għal dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

Issa l-mistoqsija li nagħmlu hi: x’irid jgħid biha din? X’jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem? Ġesù jgħid: “dak li Bin il-bniedem jagħtikom”. Dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Alla lilna jagħtina ħafna affarijiet fil-ħajja, ħafna doni li ġejjin minnu, li jistgħu tassew jimlew il-qalb tagħna; u huma dawk l-affarijiet li jibqgħu. Ħa nsemmi eżempju: Alla jagħtina l-paċi, l-imħabba fil-qalb tagħna. Ara x’jiġri meta aħna nirsistu ħafna biex ikollna xi ħaġa – tista’ tkun proprjetà, jew xi ħaġa oħra – u titħabat u tirsisti, imma mbagħad tinduna li minħabba din u x-xogħol kollu li ħadt fuq din, tlift il-paċi fil-qalb tiegħek. Qed jgħid Ġesù: agħraf dak li jibqa’. Tiġrix biss wara dak li jgħaddi, għaliex inkella jista’ jiġrilek li titlef dak li jibqa’. Jista’ jkollna ħafna affarijiet, imma mbagħad f’mument minnhom, meta l-Mulej isejħilna għall-ħajja ta’ dejjem, dawn m’aħniex se neħduhom magħna. Imma nieħdu magħna dak li jkun fil-qalb tagħna u tahulna Alla. Għalhekk, dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem hu meta nagħmlu r-rieda ta’ Alla, meta ngħinu lil min hu fil-bżonn, meta nagħmlu l-opri tal-ħniena. Dawn jibqgħu għall-ħajja ta’ dejjem, għax hu dak li Alla jiżra’ fina, is-sabiħ tal-ħajja li jibqa’.

Għalhekk, it-talba li nixtieq nagħmel għalina llum hi: Mulej, għinna biex nitħabtu għal dak li jibqa’, u nużaw il-ġid li jgħaddi b’mod li qatt ma nitilfu dak li jibqa’ għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju