L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni” (Ġw 14:21). Hekk jgħid Ġesù llum, fl-Evanġelju skont San Ġwann, lid-dixxipli tiegħu; u f’din is-silta qasira jenfasizza ħafna l-imħabba – isemmiha seba’ darbiet. Imma mhux hawn biss. Anke ftit qabel, f’dan l-istess diskors tal-Aħħar Ċena, Ġesù kien tkellem fuq l-imħabba u qal lid-dixxipli: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13:34).

Hawnhekk Ġesù qed jenfasizza ħafna din l-imħabba fil-kuntest tat-Trinità Qaddisa. Fil-fatt hawnhekk isemmi kemm lill-Missier – u diversi drabi jsemmih f’dan id-diskors, u r-rabta intima bejnu u l-Missier – kif ukoll l-Ispirtu s-Santu. Jgħid: “L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom” (Ġw 14:26). Nafu li t-Trinità Qaddisa hija l-milja tal-imħabba, u minn hemm ġejja l-qawwa fina biex nistgħu nħobbu.

Hawnhekk fl-Evanġelju Ġesù jenfasizza żewġ punti importanti għall-ħajja tagħna: l-ewwel nett li għandha tkun l-imħabba li tmexxina, l-imħabba li tgħinna biex aħna, għax inħobbu lil Alla, inħarsu l-kmandamenti tiegħu u nimxu mal-kelma tiegħu. Ma għandux ikun il-biża’. Fil-fatt, San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu jsemmi dan. Jgħid: “l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ’l barra” (1 Ġw 4:16). Għax fejn hemm l-imħabba, ma hemmx biża’. Għalhekk Ġesù jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti”. Ma jgħidx “jekk xi ħadd jibża’ minni, iħares kelmti”. Qed jgħid Ġesù li hi l-imħabba li għandha tkun fil-qalb tagħna, u nagħżlu t-tajjeb, nagħżlu li nimxu mal-kmandamenti tiegħu u mal-kelma tiegħu, proprju għax hemm din l-imħabba f’qalbna. 

Imbagħad jgħid ħaġa oħra li hi importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Jgħid li l-imħabba lejh tintwera f’dak li nagħmlu, fl-azzjonijiet tagħna. Għalhekk jgħid: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni” (Ġw 14:21). Jenfasizza: jekk veru nħobbuh, nimxu mal-kelma tiegħu. Inkella l-imħabba tkun biss diskors fieragħ. Fil-fatt Ġesù jgħid: l-imħabba  mhijiex biss sentiment li nħoss f’qalbi, jew diskors li ngħid bi kliemi, imma trid tintwera fil-ħajja tagħna. Tintwera billi aħna nimxu mal-kelma tiegħu.

Għalhekk, dan hu messaġġ importanti ħafna għalina. Jekk aħna rridu verament inħobbu lil Alla, naraw dak li jgħidilna u nwettquh; u nagħmlu ħilitna bl-għajnuna tiegħu. Per eżempju, Ġesù dejjem jenfasizza ir-rispett kbir lejn il-ħajja, l-għożża tal-ħajja. Għax inħobbu lilu, irridu ngħożżu l-ħajja f’kull waqt tagħha – mill-ewwel mument tat-tnissil, meta hemm biss ftit ċelloli imma diġà huma ħajja umana, sat-tmiem naturali, kultant meta persuna qiegħda fl-aħħar ta’ ħajjitha, qed tbati, u teħtieġ min jgħożż il-ħajja tagħha; u f’kull waqt tagħha. Jekk hemm xi ħadd qed jegħreq fil-baħar, u qed jitlob l-għajnuna biex ma jegħriqx, biex isalva, ma nistax jiena nagħlaq widnejja biex ma nismax, nagħlaq għajnejja biex ma narax, u nibqa’ miexi. Il-Mulej qed jgħidilna: jekk veru nħobbuh, irridu naħdmu biex nirrispettaw u nħarsu l-ħajja ta’ kulħadd. Ġesù jgħidilna wkoll kif għandna nittrattaw lil xulxin: jekk veru nħobbu lil Alla, għandna nġibu ruħna b’rispett lejn id-dinjità ta’ xulxin, ma ninsultawx lil xulxin. Kultant taraha din – jista’ jkun radju jew media soċjali, ikun hemm min jiżra’ l-mibegħda, kwazi jkun qisu manager ta’ fabbrika tal-mibegħda. Ħsara tagħmel! Ġesù qed jgħid li jekk veru nħobbu lilu, nisimgħu l-kelma tiegħu, u nirrispettaw u nimxu mal-kelma tiegħu, u ngħożżu tassew lil xulxin. 

Hemm diversi affarijiet oħra fil-ħajja tagħna, fejn irridu nimxu mal-kelma tiegħu. Kultant mhix faċli, kultant nonqsu f’dan, imma l-Mulej jagħtina l-għajnuna biex nimxu ’l quddiem, u dejjem infittxu li nħarsu l-kelma tiegħu u l-kmandamenti tiegħu. Niftakru li l-Mulej ma jimpressjonax ruħu b’dak li jidher minn barra. Għalhekk anke ċ-ċerimonji tagħna reliġjużi, fl-istatwi u l-festi, jekk ma jkollhomx fil-qalba tagħhom l-imħabba, ikunu vojta. Hija l-imħabba li trid tmexxina, u hija l-imħabba li tgħinna biex inħarsu l-kelma ta’ Alla u l-kmandamenti tiegħu. Ġesù jgħid ċar u tond: “Mhux kulmin jgħidli ‘Mulej, Mulej’ jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 7:21). Nitolbu lill-Mulej biex dak li jmexxina f’ħajjitna jkun tassew dan l-ispirtu ta’ mħabba li hu jqiegħed f’qalbna u li jgħinna biex inħarsu dejjem il-kmandamenti tiegħu u nimxu mal-kelma tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju