• Il‑Ħadd 24 ta’ Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali fil‑festa tal‑Madonna tal‑Karmnu, fil‑Knisja Parrokkjali, iż‑Żurrieq. Wara l-Arċisqof iltaqa’ man-nies u żar ukoll l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, fl-istess raħal. 
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, Iż-Żurrieq
    24 ta’ Lulju 2016
     
    “Fjur tal-Karmelu, dielja bil-frott mghobbija, dija tas-sema”. Dawn il-kliem mis-sekwenza antika fit-tifkira solenni u fil-liturġija tal-Ordni tal-Karmelu, jagħtuna t-tifsira wkoll ta’ dak li l-għolja tal-Karmelu kienet fi żmien għall-poplu ta’ Alla, hi llum u nawguraw li tibqa’. Il-kelma ‘Karmelu’ fiha nnifisha tfakkarna fi ġnien mimli ward, f’dielja mgħobbija bil-frott. Flos Carmeli vitis florigera splendor, dija tas-sema.
    Insellem l-ewwel nett lilkom, għeżież devoti tal-Madonna tal-Karmnu, għezież membri ta’ din il-parroċċa, insellem lir-rispettabbli Sindku, u lill-membri kollha tas-soċjetajiet differenti, lill-Onorevoli Membri Parlamentari li onorawna bil-preżenza tagħhom, imma insellmilkom ukoll bħala wliedi. Intom tifhmuni meta ngħidilkom ‘intom ukoll uliedi’ u jiena ġejt illum bħalma ġejt fil-festa ta’ Santa Katerina biex inkun iċċelebrajt iż-żewġ festi ta’ dan ir-raħal: waħda primarja, l-oħra sekondarja, imma intom ukoll uliedi.
    Il-kelma li se ngħidilkom hija kelma ta’ ħabib, kelma ta’ missier u kelma wkoll ta’ iben għax ommi li jisimha Marija Karmela li hi minn Ħal-Kirkop, meta kienet tiġi għall-‘Erbgħat’, ta’ żgħażugħa kienet tiġi hawn. Meta mbagħad konna Ħal-Qormi, kienet teħodna l-Belt; meta morna Ħal-Lija kienet tmur Santa Tereża. Imma t-tradizzjoni tal-Erbgħat hija tradizzjoni li kbirt magħha għax ommi għallmitna nħarsu l-Erbgħat bħalma nħarsu sal-lum anke s-sawma ta’ nhar ta’ Erbgħa. Isimgħuni ftit uliedi għeżież ta’ missierkom, ta’ ħukom, imma anke ta’ binkom.
     

    L-Ewwel Għolja: L-Għolja tal-Karmelu

    Jiena nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet billi nħares lejn ħames għoljiet. F’din il-festa solenni li qed nagħmlu lill-Madonna tal-Karmnu nixtieq nibda propju mill-għolja tal-Karmelu. Il-muntanja tal-Karmelu jekk trid tgħallimna xi ħaġa, tgħallimna li t-triq ta’ Ġesù hija triq tas-sbuħija u t-triq tal-fedeltà. Min qatt kellu x-xorti jmur fuq is-santwarju ċkejken imma ħelu ddedikat lill-Madonna tal-Karmnu bit-titlu wkoll ta’ ‘Stella Maris’ fuq il-muntanja tal-Karmelu, għandu jitpaxxa bil-veduta sabiħa mhux biss tal-muntanja, imma wkoll tal-Baħar Mediterran. Dan is-santwarju għażiż iħares fuq il-belt ta’ Haifa u jħares lejn il-baħar li huwa l-baħar tagħna, il-Baħar Mediterran. Minn hemmhekk inti tħossok mhenni bis-sbuħija tan-natura li ħalaq il-Mulej imma wkoll imqanqal biex tersaq iżjed lejh. Wara kollox dak il-post kien magħruf bħala post ta’ kult u anke post strateġiku, sa mill-Feniċi, diġà eluf ta’ snin qabel il-miġja ta’ Ġesù Kristu.
    Bħalma jikkonferma l-Ewwel Qari, aħna ngħaqqdu ħafna wkoll mal-missjoni tal-profeta Elija, il-patrijarka spiritwali, missier tal-Familja Karmelitana. Elija li l-poplu Lhudi fuq il-muntanja Karmel, fuq il-muntanja tal-Karmelu, talabhom jieħdu deċiżjoni libera: “tridu tkunu ma’ Alla ħaj u veru jew timxu wara l-idoli tal-Bagħlim ta’ din id-dinja?” (ara 1 Slat 18, 21). Fil-post li għadu magħruf bħala l-El-Muhraqa fuq il-Monte Carmeli, Elija għamel dak il-kontest taż-żewġ sagrifiċċji lill-Bagħlim. Lill-profeti tagħom, erba mija u ħamsin, tahom nofs ta’ nhar sħiħ jgħajtu, jixirgħu, iqattgħu ġisimhom biex fuq il-ħatab u s-sagrifiċċju li kienu poġġew fuq l-artal tagħhom, jinżel in-nar sakemm imbagħad inħanqu u beda jgħaddihom naqra biż-żmien. “Għajjtu iżjed, forsi għandu x’jagħmel, jew qed jagħmel il-bżonnijiet tiegħu” għax hekk hemm miktub. “Jew forsi mar naqra vaganza, għajjtu naqra iżjed” (ara v. 27). U iżjed ma jgħajtu lill-allat foloz, iżjed itarrax is-silenzju.
    Imbagħad qalilhom: “issa ħa nagħmel tiegħi jien”. Poġġa fuq artal il-ħatab u s-sagrifiċċju u qalilhom: “issa ġibu l-ilma u ferrgħuh, erġgħu ġibu, ferrgħuh” (vv. 33-34). Imbagħad talab lill-Mulej Alla ħaj, il-Mulej ta’ Israel, Alla tagħna. Qallu: “Mulej mhux għalija imma biex turi lill-poplu tiegħek” li bil-Malti rasu iebsa, “li inti Alla ħaj, agħtina sinjal, agħti sinjal li jiena l-qaddej tiegħek li għalkemm jiena nċanfar lill-poplu tiegħi imma nagħmlu f’ismek għax inħobbu” (ara v. 37). U għall-kliem tal-profeta Elija nar kbir niżel mis-sema u mhux biss ħaraq il-ħatab u l-artal tas-sagrifiċċju, l-Iskrittura tgħid, iżda: “nixxef ukoll l-ilma li kien hemm mad-dawra, mal-gandott li kien  għamel” (v. 38). Dakinhar il-poplu Lhudi fehem fuq il-muntanja tal-Karmel min hu Alla ħaj u veru. Il-poplu dar mill-idolu tiegħu u qal: “aħna nemmnu u nimxu wara l-profeta Elija għax hu l-profeta ta’ Alla l-ħaj.
    Għall-profeta Elija, il-muntanja tal-Karmel kienet ukoll il-muntanja tal-kontemplazzjoni, tat-talb. Il-qari li qrajna llum, l-Ewwel Qari, iġib lil Elija li għall-kelma tiegħu kien hemm nixfa kbira fil-pajjiż, jinxteħet fl-art fuq il-quċċata tal-Karmel u jqiegħed wiċċu bejn irkubbtejh, f’sens ta’ sottomissjoni lejn il-Mulej. Lill-qaddej tiegħu jgħidlu biex imur seba’ darbiet iħares lejn il-baħar tagħna, il-Baħar Mediterran sakemm fis-seba’ darba, il-qaddej jgħid: “Hemm sħaba daqs keffa ta’ id ta’ raġel tiela mill-baħar” (v. 44). Dik il-keffa ċkejkna hija s-sinjal li Alla, fil-ħniena tiegħu, se jibgħat xita kbira. Mhux qed ngħid biex jagħmilha llum jien, imma dik in-nixfa li kienet kważi wasslet lil Israel għall-mewt, issa spiċċat. Lir-Re Aħab li kien jinkwetah ħafna lil Elija, jgħidlu l-profeta: “arma ż-żiemel u inżel qabel ma tilħqek ix-xita”. U niżlet, għall-kelma ta’ Elija, xita kbira (v. 45).
    Il-mistiċi kollha Karmelitani, f’dik il-keffa ta’ id ta’ raġel, dik is-sħaba ċkejkna, jaraw lill-Madonna tiela biex tagħti l-ilma ħaj tal-grazzja fuq il-poplu ta’ Alla. Wara kollox, is-santwarju Stella Maris, Kewkba tal-Baħar, ifakkarna wkoll li l-isem ta’ Marija ifisser Stilla Maris, qatra mill-oċean u hekk dak l-imkien inti tifhem li l-Kewkba tal-Baħar quddiem min ħalaqha, hija sempliċement qatra, hija Stella Maris imma wkoll stilla maris, qatra, qatra f’oċean. Bħalma qalet hi: “Il-Mulej ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” imma qalet ukoll: “iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli ħienja” (Lq 1, 48).

     

    It-Tieni Għolja: L-Għolja tal-Beatitudnijiet

    Din il-kelma ‘isejjaħli hienja’ twassalna għat-tieni muntanja, il-muntanja li tħares lejn baħar ieħor, din id-darba ta’ ilma ħelu, baħar kbir għax huwa lake enormi, lake ta’ Tiberijade, jew inkella il-baħar tal-Galilija. U muntanja ħelwa, għalkemm mhux għolja daqs il-Karmelu, li fuqha l-Iben ta’ Marija tela’ bħal Mose l-ġdid jgħid: “Henjin il-foqra fl-Ispirtu, henjin dawk li għandhom l-għatx għall-ġustizzja, ħenjin dawk li jġibu l-paċi, henjin dawk li huma ppersegwitati, henjin dawk li huma safja f’qalbhom, henjin dawk li fil-ħajja tagħhom jibnu d-dar tagħhom fuq il-blata li huwa Kristu l-Mulej” (ara Mt 5 3-12). Hienja Marija, imma hieni d-dixxiplu li jisma’ leħen Binha fuq il-għolja tal-Beatitudnijiet. Min iżur l-Art Imqaddsa u jmur fuq is-santwarju mibni mit-Taljani fis-snin tletin u li jħares fuq il-baħar tal-Galilija, japprezza l-ġmiel ta’ din l-għolja, l-għolja li fuqha Ġesù tana l-inbid ġdid tal-kelma tiegħu. Għallimna xi tfisser l-imħabba, mhux biss bejn il-miżżewġin meta qal li jrida dejjiema bħalma kienet sa’ minn dejjem, imma anke l-imħabba tal-għedewwa. L-aħwa, ma tistax tkun devot tal-Madonna tal-Karmnu jekk ma tismax leħen Binha li jgħidlek: “ħobbu lill-għedewwa tagħkom, bierku u la tisħtux”. Jgħid ukoll fit-tmiem ta’ dan id-diskors, li min jisma’ l-kelma tiegħu u jagħmilha huwa bħal dak li jibni d-dar tiegħu fuq il-blata samma. Ibnuha d-dar tagħkom fuq il-blata samma tal-għolja tal-Karmelu, blata samma, blata sabiħa, il-blata tal-kelma ta’ Binha Ġesù.

     

    It-Tielet Għolja: Il-Muntanja tat-Tabor

    It-tielet muntanja hija muntanja li fis-Salmi u fl-Iskrittura dejjem hija abbinata mal-muntanja tal-Karmelu, hija l-muntanja tat-Tabor. Tgħidli, “semmejtha għax toqgħod Ħal-Lija”, semmejtha għax issemmiha wkoll l-Iskriturra bħala l-‘Għolja tal-ġmiel’. Fl-Iskrittura, meta trid tfisser il-ġmiel, tgħid il-ġmiel tal-Karmel u tat-Tabor. Fuq it-Tabor, l-Iben ta’ Marija – dik li qiegħda tħaddan, fl-istatwa sabiħa tagħha u fil-kwadru tagħha u tippreżantahulna – sar sabiħ. “Ilbiesu sar abjad bħas-silġ, wiċċu jiddi bħax-xemx” (Mt 17, 2). Ried jurina l-glorja ta’ min isegwi lilu.
    Fuq dik il-muntanja dehru miegħu Mose u Elija. Elija, biex jikkonferma x-xhieda tal-profeti, biex jikkonferma x-xhieda li hu ta fuq il-muntanja tal-Karmelu, hu jikkonfermaha fuq il-muntanja Tabor hu u jitkellem flimkien ma’ Mose’ u Ġesù fuq il-prezz tal-imħabba tal-Mulej għalina, li huwa l-prezz tas-salib. Minn sħaba joħroġ leħen “Dan hu Ibni għażiż, li fih sibt il-għaxqa tiegħi. lsimgħu lilu” (v.5). Dan il-kliem li qal il-Misser fuq Ibnu, Marija Santissima tgħidu wkoll fuq Binha “Dan hu Ibni l-għażiż fih sibt il-għaxqa tiegħi, agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). Il-kelma ta’ Sidtna Marija lill-qaddejja f’Kana tal-Galilija tagħmel eku għal dik l-istedina tal-Missier “isimgħu lilu”. Ommu fil-kors tan-natura umana tgħidilna: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Missier Ġesù fl-ordni tad-divinità, il-Missier Etern jgħidilna: “isimgħu lilu” u jekk aħna rridu nkunu fuq is-sod, bħalma hi soda l-muntanja tal-Karmelu, irridu nisimgħu l-kelma tal-Missier tas-sema u l-kelma ta’ ommu Marija. “Isimgħu lilu”, “agħmlu dak li jgħidilkom hu”.
     

    Ir-Raba’ Għolja: L-Għolja tal-Kalvarju

    Minn fuq l-muntanja Tabor, il-ħsieb tagħna jmur fuq ir-raba’ għolja, l-għolja tal-Kalvarju. Mit-Tabor, Ġesù kien diġa qiegħed iħares lejn Ġerusalemm mhux biss lejn il-ħitan għeżież tagħha mibnija fuq l-għolja ta’ Sijon, imma wkoll fuq il-għolja tal-Qorriegħa, ’l barra mill-ħitan ta’ Ġerusalemm. Għax hu li kien il-bidwi li ħawwel id-dielja, hu l-Iben tas-Sid tal-għalqa kellu jitkeċċa ’l barra mid-dielja u jinqatel. Id-dielja li tagħmel il-frott, Ġerusalemm, kellha tingħasar biex issir ‘demm li jgħajjat fuqna’, mhux saħta imma barka. Hu li awl il-lejl qabel ma bata, ħa l-ħobż hu li twieled fil-belt tal-ħobż, Betleħem, u ħa wkoll il-kalċi bil-frott tad-dielja hu li kien qal: “Jiena d-dielja. Missieri l-bidwi. Kull fergħa li l-Missier irid iħobbha, jiżborha biex tagħmel iżjed frott. Imma dik li tinqata’ minni, tmut u tinxef” (ara Ġw 15, 1-8). Fuq l-għolja tal-Kalvarju, Ġesù nstema’ jsejjah lil Elija qalu. “Eli, Eli, lema sabachthani? Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27, 47)  Anke fuq il-kalvarju jissemma’ isem ta’ Elija għaliex min sema l-karba ta’ Ġesù abbandunat, ħasbu li kien qed isejjaħ lil Elija biex jgħinu. Imma taħt is-salib ma kienx hemm Elija, kien hemm Ommu wiefqa taħt is-salib ma’ oħtha, ma’ nisa oħra twajbin, ma’ Ġwanni l-Evanġelista, il-qaddej u l-ħabib fidil.
    Il-Madonna tgħallimna x’jiġifieri tħobb anke fis-saram, anke fir-risq il-ħażin. Waqfet taħt is-salib ta’ Binha biex tgħallimna li aħna qatt ma għandna nitwerwru mit-tbatija, qatt ma għandna niddeċiedu aħna meta tibda jew meta tispiċċa l-ħajja ta’ dak li jkun. Hi waqfet taħt is-salib ta’ Binha. Ma qaltlux: ‘jiena stess kont li f’Kana tal-Galilija mexxejtek biex tagħmel l-ewwel sinjal. Agħmlilhom sinjal ieħor issa, inżel mis-salib ħa turihom min int, ħa turihom min aħna’. Ma qaltlux hekk. Qaluli hekk l-ghedewwa tiegħu. Hi, wieqfa taħt is-salib, kienet splendur ta’ tjieba, kienet is-Sultana tal-Martri, kienet dik li tgħallimna x’jigifieri tħobb sa’ l-aħħar. Hu u jagħtihielna bħala ommna: “Hawn hi ommok” (Ġw 19, 27), ħudu ħsiebha, tgħallmu minnha. Dik il-kelma hija kelma li l-Mulej issa jagħtina. Hi qaltilna: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”; hu jgħidilna: “hawn hi ommok”. Sidtna Marija hi omm tagħna fl-ordni tal-grazzja, fl-ordni tal-għotja ta’ Ġesù. Ma seta’ jagħtina xejn iżjed meta tana lill ommu għax tana l-ġuf li fih trabba, tana forma li jekk nidħlu fiha, aħna nsiru nixbħuh. Il-kelma tiegħu fuq l-għolja tal-Kalvarju hija wkoll tagħlima għalina. “F’idejk Mulej jien nerħi ruħi” (Lq 23, 46). Kemm tkun ħaġa sabiħa meta aħna nħossuna mgħaffġin bit-toqol tal-ħajja f’dan il-wied tad-dmugħ, li ħarsitna minn dan il-wied togħla lejn l-għolja tal-Kalvarju u nitgħallmu mill-kelma tal-Mulej “F’idejk, Mulej jien nerħi ruħi”.
     

    Il-Ħames Għolja: L-Għolja taż-Żebbuġ

    L-aħħar għolja li rrid inħares lejha mill-għolja tal-Karmelu li hija għolja iżjed minnhom ilkoll, hija l-għolja taż-Żebbuġ. Il-Mulej niżel mill-għolja taż-Żebbuġ trijonfalment minn Betfaġe biex jidħol Ġerusalemm nhar Ħadd il-Palm. Imma sejjaħ lid-dixxipli tiegħu hemmhekk biex wara erbgħin jum mill-qawmien tiegħu mill-imwiet jgħidilhom kelma ta’ kuraġġ u mandat speċjali ta’ missjoni. “Ara jiena magħkom dejjem sa’ l-aħħar taż-żmien. Morru fil-ġnus kollha xandru l-Bxara t-Tajba, għammdu fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 28, 19). L-għolja taż-Żebbuġ, li awl il-lejl qabel ma bata, ratu jgħaraq l-għaraq tad-demm, issa ssir l-għolja tat-trijonf tal-Mulej. Bħalma hi l-għolja tat-Tabor li fiha d-dixxipli xhieda rawh glorjuż imma semgħuh jitkellem anke fuq is-salib, hekk ukoll il-għolja taż-Żebbuġ, l-għolja tal-glorja tal-Mulej, tfakkarna f’żewġ affarijiet: fid-dmija li xerred fl-agunija fl-ort imma wkoll fil-wegħda li jibqa’ magħna.
    Din l-għolja hija għażiża għad-devoti kollha ta’ Sidtna Marija għaliex fir-riġel ta’ din l-għolja hemm il-qabar li minnu l-Madonna ġiet assunta fis-sema. U hekk il-glorja ta’ Binha ssir ukoll il-glorja tal-Omm. L-għolja taż-Żebbuġ li hija l-għolja wkoll tal-paċi, hija l-għolja tat-trijonf tal-Iben u l-glorja tat-trijonf ta’ l-Omm. Jekk l-Iben, fuq l-għolja taż-Żebbuġ jgħidilna: “jiena magħkom” għax wara kollox ismu huwa Għimmanu-El, Alla magħna, l-Omm tgħidilna: ‘jiena takom, jiena ommkom, se nħariskom, se nindukrakhom’. Intom, għeżiż devoti tal-Madonna tal-Karmnu, li tgħożżu l-labtu tagħha, il-libsa tagħha, ilbsu l-glorja ta’ Marija fl-umilta u s-safa tagħha. Ilbsu l-labtu ta’ Marija fl-ubbidjenza tal-fidi tagħha “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (Lk 1, 38).
    Ilbsu wkoll it-tama tagħha, dik li rat lil Binha jitwieled, li minn għand il-Maġi aċċettat id-doni tad-deheb u tal-inċens imma anke tal-mirra, kienet mara ta’ tama kbira. Mela emmnu, ittamaw bħalma ttamat Marija u, fuq kollox, kunu ġenerużi fl-imħabba bħalma kienet hi. Hi, malli semgħet lill-anġlu jgħidilha li l-qariba tagħha Eliżabetta kienet qed tistenna tarbija fix-xjuħija, qabdet u marret lejn il-għoljiet sbieħ ta’ Għajn Karem li huma l-għoljiet li jkomplu jfakkruna fil-ġmiel tagħhom bħall-Karmelu fl-imħabba, is-solidarjeta, il-ġenerożita ta’ Marija, l-umilta, il-fidi, it-tama u l-imħabba.
    Mela, ħuti, inwarrbu minn fommna kull kliem ta’ firda, kull kliem ta’ pika, kull kliem ta’ inkejja. Nilbsu l-kliem sabiħ li mhux ikasbar imma jfaħħar lill-Mulej. “Ruħi tfaħħar lill-Mulej”. Jekk tridu tkunu tassew Karmelitani, għassu fuq id-dagħa, ma tistax inti tarma għall-festa tal-Karmnu u tniżel il-qaddisin kollha mis-sema bid-dagħa tiegħek, ma jistax ikun. Kultant jiġri li nagħmlu tal-ħmir, imma rridu ngħassu fuqna nfusna. Inutli nilmentaw li ħaddieħor ikasbar lill-Madonna jew lill-Binha jekk aħna mbagħad ma nagħtux eżempju tajjeb.
     

    Nilbsu l-mentalità ta’ Marija

    Ejjew nilbsu l-labtu tal-Madonna meta fuqna nilbsu l-mentalità tagħha. Tgħidli: ‘minn fejn insibha din?’ Aqra’ l-Innu, il-Magnificat tal-Madonna u tara li l-Madonna ma kinitx biss devota bħala mara ta’ Israel lil Alla ħaj u veru, imma kienet ukoll konxja mill-ingustizzji u mid-dinjità tal-foqra. “Niżżel mit-tron tagħhom lis-setgħanin u għolla lill-umli” (Lq 1, 52). Il-Madonna hija u tagħmel eku tal-innu ta’ omm Samwel, turina kemm kienet mara konkreta fil-fidi tagħha. U jiena l-fidi  tagħkom, bħala missierkom, bħala ħukom u bħala iben, ngħidilkom: l-aħwa, l-imħabba tagħna trid tkun konkreta, mhux biss bil-kliem. Irridu nkunu nies li nġibu l-paċi kemm jista’ jkun, inkunu nies li nifirħu bis-sbuħija tal-ħolqien u nħarsuh, irridu nkunu nies li fis-soċjetà tagħna nuru li l-preżenza Nisranija – mhux għanqbut, imma veru progress; mhux sikkatura imma vera libertà. “Fjur tal-Karmnu, Gran Reġina, itlob u kun int għalina Omm għax inti d-dielja sabiħa tal-Karmelu, inti frotta sabiħa tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, inti l-aktar ħelwa, ġmiel li qatt ma ttabba’ u lilna Karmelitani, ħniena uri u mħabba”. Viva l-Madonna tal-Karmnu.
     
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
     

    Messaġġ lill-Membri tal-Każin Queen Victoria, Żurrieq

  •  
    Każin tal-Banda Queen Victoria, iż-Żurrieq
    24 ta’ Lulju 2016
     
    Jiena mill-qalb nirringrazzjakom ta’ dak kollu li intom tagħmlu.
    Ippermettuli ngħid: ‘jiena nħossni at home hawnhekk, bħalma ħassejtni fil-każin l-ieħor meta ġejt għall-festa ta’ Santa Katerina. Intom tafuni li jiena kelma ngħidha. Jiena ma ddejjaqtx insemmi lil Santa Katerina wkoll, imma ma ddejjaqtx ukoll infaħħar ukoll lill-Madonna tal-Karmnu, għaliex din hija xi ħaġa li ġejja miċ-ċokon, u dak li jinżera’, jikber.
    Jiena nagħtikom parir, fil-preżenza ta’ ommi l-għażiża: lill-uliedkom u lill-ulied uliedkom qabelxejn għamluhom devoti tal-Madonna, imbagħad wara l-każin u l-marċ, basta jkun kollox f’postu. Pero l-ewwel irid ikolli l-affarijiet importanti f’posthom u l-Madonna żgur, żgur ma tgħallimniex l-għira, żgur ma tgħallimniex il-mibegħda, imma żgur tgħallimna l-paċenzja u l-imħabba anke tal-għedewwa. Mela nitgħallmu minnha.
    Il-labtu tal-Madonna jfisser li aħna nitlibbsu bis-sbuħija tagħha, mhux bil-kruha tax-xitan. Ma nħallihx idur miegħi u jdaħħalni f’nassa. Intom għandkom isem sabiħ: l-isem tal-Karmelu, isem li jfisser ukoll li almenu darba f’ħajjitkom tridu tmorru pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Tgħidli: ‘iqum ħafna flus’, trid tfaddal veru, imma kemm tieħu pjaċir li f’Malta għandna ħafna titli li jgħaqqduna ma’ l-Art Imqaddsa. Tajjeb li tmur Lourdes, imma li tmorru l-Art Imqaddsa u li jkollkom quddiesa sabiħa fuq l-għolja tal-Karmelu, u taraw l-għoljiet li semmejtilkom, tkun ħaġa sabiħa, anke fl-esperjenza tagħkom ta’ devoti kbar tal-Madonna tal-Karmnu.
    Jiena se nieqaf hawn għax hawn grupp ta’ żgħażagħ li dalwaqt jibda l-marċ u ma rridx nidħol fin-nofs u nfixkilhom. Jiena nixtieq nirringrazzjakom ħafna anke tax-xogħol li tagħmlu, u l-bqija dak li nixtieq ngħidilkom: intom il-labtu tilbsuh u l-Madonna tal-Karmnu tgħinkom. Jiena missierkom, jiena ħukom, u minħabba f’ommi jiena iben ukoll.
    Ngħidu flimkien ‘Sliema’ u ‘Qaddisa’ flimkien għax m’hemmx isbaħ milli nfaħħru lill-Madonna. Il-Mulej magħkom u jberikkom Alla li jista’ kollox il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  Ħudu pjaċir.
     
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja; Ġużi Sammut u Mark Micallef Perconte