Il-Fondazzjoni Pro-Pontefiċe Centesimus Annus organizzat seminar bit-tema L-IMPENN GĦALL-IŻVILUPP SOĊJO-EKONOMIKU F’MALTA FID-DAWL TAL-ENĊIKLIKA TAL-PAPA BENEDITTU XVI “CARITAS IN VERITATE”. Matul is-seminar, immexxi minn Joseph F.X. Zahra, taw l-intervent tagħhom l-Arċisqof Pawlu Cremona, il- Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat.

L-Arċisqof Pawlu Cremona beda biex staqsa għaliex hemm l-enċiklika u fisser li l-punt tat-tluq huwa l-idea Kristjana tal-ħolqien – Alla li ħalaq lill-bniedem xbieha tiegħu biex dan, flimkien miegħu, jindokra l-ħolqien. Il-qofol tad-dokument qal li jdur mal-Verita u l-Karita. Fi kliemu, qabel ma wieħed jgħid x’se jagħmel fil-karita, irid ikollu bażi soda ta’ verita. Hawn aċċenna għar-rwol tal-Knisja li qal li tfittex il-verita u tipproklamaha. Temm jgħid li dan hu parti mill-irwol li l-Knisja għandha fis-soċjeta Maltija.

Fid-diskors tiegħu, l-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li l-enċiklika għandha messaġġ qawwi għall-politiċi u s-soċjeta ċivili kollha kemm hi. Qal li tagħti direzzjoni, u dan lil min ikollu l-kuraġġ jagħti kas u japplikaha. Dr Gonzi rrefera għas-sitwazzjoni attwali ta’ riċessjoni dinjija u qal li l-enċiklika għandha relevanza qawwija f’dar-rigward. Fuq kollox aċċenna għar-rabta li qal li toħroġ ċara ħafna fl-enċiklika bejn in-nies fil-politika u dawk fil-Knisja. Meta elabora dwar din ir-relazzjoni, qal li waqt li l-Knisja, fi kliem il-Papa attwali stess, għandha tipproponi viżjoni imnebbħa mill-vanġelu, il-politiċi, waqt li joffru viżjoni, iridu joħorġu bis-soluzzjonijiet, mhux teoriji biss. Fi kliemu, is-soluzzjonijiet iridu jkunu tekniċi, u allura studjati xjentifikament, u prattiċi, jiġifieri li possibilment jistgħu jitwettqu. F’das-sens fisser il-valuri li fi kliemu huma meħtieġa biex jitħejja pjan għas-sejba tas-soluzzjonijiet. Identifika l-importanza tal-familja, is-sussidjarjeta, is-solidarjeta bejn il-ġenerazzjonijiet u l-istess distinzjoni bejn il-Knisja u l-Istat, fost dawn il-valuri. Dr Gonzi temm jaċċenna għat-tolleranza, għad-djalogu u għas-serenita, ġejja minn servizz leali lejn il-ġid komuni, bħala għodod importanti għall-pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat, fl-intervent tiegħu, irrefera għall-kontribuzzjonijiet siewja dwar is-suġġett mill-Arċisqof Tettamanzi ta’ Milan u l-Kummissarju Ewropew Mario Monti. Huwa elabora dwar il-kunċett ta’ regolazzjoni li qal li tfisser li jinħolqu regoli effiċjenti li jkattru l-kompetizzjoni li mingħajrha mhemmx suq. Meta rrefera għall-enċiklika tal-Papa Benedittu XVI huwa issimplifika t-terminu VERITA li qal li timplika onesta, qies, ġustizzja u saħansitra sens ta’ siwi/valur, li qal li jista’ jieħu dimensjoni etika jew ekonomika. Hawn irrifletta fuq ir-rabta bejn iż-żewġ dimensjonijiet. Tkellem ukoll dwar il-kunċett ta’ bniedem sħiħ li qal li jitkejjel bil-valur tal-persuna u mhux skont il-valur ekonomiku. Temm jaċċenna għall-ħtieġa ta’ iktar saħħa lis-soċjeta ċivili li fi kliemu twassal għall-progress.

Wara t-tliet interventi ntlaqgħu kummenti minn dawk prezenti li attendew għal dan is-seminar. Fi tmiem is-seminar, Fr Paul Darmanin nieda t-traduzzjoni bil-Malti tal-enċiklika CARITAS IN VERITATE.

Artiklu miktub minn Karl Wright

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ritratti: PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.