L-Istaġun tal-Ħolqien hu importanti għalina l-Kattoliċi fejn fi djalogu ma’ Nsara oħra, dan iż-żmien jistieden lill-umanità tiġġedded fir-relazzjoni tagħha mal-Ħallieq u mal-ħolqien, permezz ta’ ċelebrazzjoni u impenn flimkien sabiex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.

“Isma’ Leħen il-Ħolqien” hi l-istedina tal-Papa Franġisku lill-Insara kollha għall-Istaġun tal-Ħolqien ta’ din is-sena (mill‑1 ta’ Settembru sal‑4 ta’ Ottubru), bis-simbolu jkun is-siġra taqbad bin-nar meħuda mill-istorja ta’ Mosè. Ir-realtà tal-lum hi li mhux biss id-Dinja qed tgħajjat għall-għajnuna minħabba l-emerġenza kontinwa tat-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-bijodiversità, iżda anke n-nies li jgħixu fiha, b’mod speċjali l-persuni foqra, vittmi ta’ deċiżjonijiet li jwasslu għal qerda ambjentali, u l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar tagħna li jħossuhom mhedda mill-futur kawża tad-deċiżjonijiet insensittivi u mhux sostenibbli li qed jittieħdu bħalissa.

Il-messaġġ tal-Papa jgħodd għal kull ċittadin tad-dinja, inkluż għalina l-Maltin. L-impenn tagħna li nisimgħu l-leħen tal-ħolqien jista’ jibda billi nagħtu każ tal-mod ta’ kif ngħixu u d-dettalji żgħar tal-ħajja ta’ kuljum, inbiddlu l-mudelli tagħna ta’ konsum u produzzjoni, kif ukoll is-sistemi distruttivi tagħna. 

Il-ħolqien ta’ madwarna hu kbir iżda wkoll delikat. Għalhekk, “li ngħixu l-vokazzjoni tagħna li nkunu ħarriesa tal-opra ta’ Alla hi parti essenzjali minn ħajja magħġuna bil-virtujiet; mhix għażla u lanqas xi aspett sekondarju tal-esperjenza Nisranija” (Laudato si’, 217).