UK Bishops arms

L-Isqfijiet tal-Ingilterra u Wales qed jinkoraġixxu lill-fidili sabiex jużaw l-erba’ Ġimgħat fix-xahar ta’ Mejju bħala jiem speċjali ta’ talb bħala reparazzjoni għall-iskandlu ta’ abbużi sesswali mwettqa minn membri tal-kleru. Fi stqarrija, l-Isqfijiet qalu li l-offiżi mwettqa minn xi saċerdoti u reliġjużi huma “d-dnubiet personali ta’ ftit”. Komplew li fid-dawl tal-komunjoni tal-membri kollha tal-Knisja mal-ġisem ta’ Kristu, l-istess dnub tal-ftit jolqot lil kulħadd. “Nesprimu s-sogħba tagħna quddiem dawn l-abbużi u nitolbu apoloġija lil dawk li sofrew l-abbuż, li ħassewhom injorati, mhux emmnuti u saħansitra traduti. Nitolbu l-maħfra tagħhom u l-maħfra t’Alla. M’hemmx skużi”, komplew l-Isqfijiet.

Komplew jaffermaw li “issa nemmnu li hu l-mument ta’ talb profond bħala reparazzjoni u ndiema. Nistiednu lill-kattoliċi kollha fl-Ingilterra u Wales sabiex jagħmlu mill-erba’ Ġimgħat f’Mejju li ġej jiem speċjali ta’ talb.

L-istedina tal-Isqfijiet hi biex il-kattoliċi jersqu fquddiem is-Sagrament Imqaddes, fis-skiet, u jitolbu għall-fejqan minn Alla, jitolbu għall-maħfra tiegħu, jitolbu għal dedikazzjoni mġedda u jitolbu wkoll għal min sofra l-abbuż u għal min ma mmaniġġjax sew il-każi b’konsegwenza ta’ iktar sofferenzi.