• L-Isqof Mario Grech President tal-Konferenza Episkopali Maltija

  • F’laqgħa li saret dalgħodu fin-Nunzjatura Appostolika, ir-Rabat, ġie deċiż li Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ser ikun il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija għat-tliet snin li ġejjin. Għal dawn l-aħħar sitt snin, il-President tal-Konferenza Episkopali kien Monsinjur Pawlu Cremona O.P., Arċisqof ta’ Malta.

    Il-Konferenza Episkopali hija l-ogħla organu tal-Provinċja Ekkleżjastika Maltija (Malta u Għawdex), u hija ffurmata minn:

    Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex (President)

    Mons. Pawlu Cremona O.P., Arċisqof ta’ Malta

    Mons. Charles J. Scicluna, Isqof Awżiljarju ta’ Malta

    Għal laqgħa formali kienu preżenti wkoll in-Nunzju Appostoliku, Mons. Aldo Cavalli u l-Arċisqof Emeritu Mons. Ġużeppi Mercieca.

    Matul l-istess laqgħa ġie deċiz ukoll li nhar il-Ħadd 8 ta’ Settembru 2013, fil-knejjes kollha f’Malta u f’Għawdex, tkun ċċelebrata l-liturġija tal-festa tat-twelid ta’ Ommna Marija Bambina (il-Vitorja).