Is-sett tal-istatwi tal-fidda tal-Appostli li darba kienu jappartjenu lill-Konkatidral ta’ San Ġwann irritornaw fl-istess Knisja fuq l-artal maġġur li għalihom kienu maħluqa. L-istatwi se jibqgħu esebiti sal-31 ta’ Lulju fl-okkażjoni tal-20 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Fondazzjoni.

Cynthia de Giorgio, il-Kap Eżekuttiv u Kuratur, qalet: “Din l-okkażjoni se tkun opportunità unika biex naraw dawn l-istatwi fil-kuntest oriġinali tagħhom. Kienu ġew speċifikament ikkummissjonati biex isebbħu l-artal maġġur u biex jikkumplimentaw il-kumpless barokk kollu tal-Knisja Konventwali tal-Kavallieri ta’ Malta. Għalkemm hu magħruf bħala l-Appostolat, is-sett ta’ 15-il figura jinkludu wkoll tliet figuri oħra, li huma tal-Verġni Mqaddsa Marija, San Ġwann Battista u San Mattija”. L-ewwel għaxar statwi tlestew fl-1741 u tħallsu mill-Prijur ta’ San Giles, Fra Charles Alemans de Rochenard. Il-Marixxall ta’ Santo Stefano, Fra Don Andrea Fortunato di Giovanni intervjena u ħallas għat-tieni grupp ta’ ħames statwi oħra li nħadmu bejn l-1742 u l-1743. Dawn inħadmu mill-arġentier Antonio Arrighi. Ftit fadal xogħlijiet ta’ Arrighi li għadhom jeżistu llum u għalhekk dan is-sett hu ta’ importanza kbira għall-istudju tal-iskultura tas-seklu 18.

Dan is-sett ta’ statwi baqa’ jintrama fuq l-artal maġġur tal-Konkatidral ta’ San Ġwann sal-1798, mal-wasla ta’ Napuljun u l-armata Franċiża li invadew u keċċew minn Malta l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Mal-ħafna oġġetti prezzjużi oħra fil-Konkatidral, l-istatwi ta’ Arrighi kienu se jiddewbu biex jittieħed il-metall prezzjuż minnhom, u jħallu biss warajhom fdalijiet tal-fidda għas-servizz tal-liturġija. Bl-intervent tal-Isqof Vincenzo Labini u tal-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina, numru ta’ oġġetti tal-fidda ġew offruti biex jitbidlu mal-istatwi. Fl-1799, saret it-tieni serqa fil-Konkatidral u l-Knisja sfat telliefa mill-oġġetti tal-fidda li kellha. Sadanittant l-istatwi għal darb’oħra reġgħu ġew salvati mill-Kapitlu.

Prof. Mons. Emmanuel Agius, il-President tal-Fondazzjoni, qal li “hu inkredibbli li dan is-sett ta’ statwi maestużi kienu se jiddewbu biex minnhom jagħmlu muniti biex iħallsu lis-suldati Franċiżi. Kuntenti ħafna li qed nerġgħu naraw dawn l-istatwi mqiegħda preċiżament fejn kienu jitqiegħdu fil-passat”.

Fl-1806, l-istatwi ittieħdu fil-Katidral tal-Imdina, fejn jiġu esebiti fil-Mużew tal-Katidral tal-Imdina.