L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali tal-Knisja f’Malta, għas-sitt sena konsekuttiva ser jorganizza diversi korsijiet bil-għan li tissaħħaħ l-identità tal-membri kollha tal-komunità kattolika. Dan jagħmlu billi joffri opportunitajiet ta’ formazzjoni permanenti u ta’ esperjenzi spiritwali; jippromwovi l-formazzjoni professjonali tal-operaturi pastorali għat-twettiq tal-ministeri u tal-ħidmiet tagħhom; kif ukoll jipprovdi esperjenzi ta’ djalogu mas-soċjetà Maltija.

Hu f’dan id-dawl li għas-sena akkademika li tibda f’Ottubru, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali ser jorganiżża, isostni u jikkolabora fi 15-il kors differenti, fosthom kors ġdid fit-teoloġija u l-ħidma pastorali mal-familja. Dawn il-korsijiet iħejju operaturi pastorali biex jagħtu servizz pastorali f’oqsma differenti bħal dik tal-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, tal-familja, tad-direzzjoni spiritwali u f’leadership skills. Qed isiru wkoll korsijiet fil-missjoloġija, fl-evanġelizazzjoni, fit-tagħlim soċjali tal-knisja, fil-liturġija u fl-ispiritwalità. Issir ukoll on-going formation ta’ dawk li jaħdmu fil-ministeru tad-Djakonija permezz ta’ seminars u on-going formation għas-saċerdoti.

Il-korsijiet tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali huma lkoll akkreditati mill-Malta Qualifications Council. Permezz ta’ diskors strutturat, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali se jkun f’pożizzjoni li joffri servizz lill-aġenziji kollha fi ħdan il-knisja biex il-korsijiet li jsiru jkunu rikonoxxuti ċivilment.

Fis-sena akkademika 2010/2011, 160 persuna temmew b’suċċess korsijiet differenti organizzati mill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali. Mit-twaqqif tiegħu f’Lulju tas-sena 2005, iktar minn 550 persuna rċevew formazzjoni permezz tal-korsijiet organizzati minn dan l-Istitut.

Għal aktar informazzjoni dwar il-korsijiet offruti mill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali wieħed jista’ jniżżel il-prospectus mis-sit www.maltapfi.org jew billi jibgħat email fuq [email protected]