• Il‑Ħamis 21 ta’ April 2016, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil‑Katidral tal‑Imdina, b’suffraġju għal ruħ l‑Arċisqof Emeritu Monsinjur Ġużeppi Mercieca, f’għeluq ix-xahar mill-mewt tiegħu. Il‑Quddiesa ġiet organizzata mis‑Segretarjat tal‑Edukazzjoni Nisranija, b’rikonoxximent tal‑kontribut li l‑Arċisqof Mercieca ta għall‑iskejjel tal-Knisja.
    Għal din il-Quddiesa attendew wkoll il-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Onor. Evarist Bartolo, u l-President tal-M.U.T, is-Sur Kevin Bonello. Il-Quddiesa kienet animata mill-kor tal-Iskola tal-Knisja ‘Our Lady Immaculate’. L-Ewwel Qari nqara minn Brother Saviour Grech, tal-Freres, is-Salm inqara mis-Sur Kevin Bonello, President tal-Malta Union of Teachers u t-talb tal-ġemgħa nqara minn Suor Bernarnette Gafa.
    Fl-omelija, l-Arċisqof Charles J. Scicluna rrifletta fuq silta mill-Evanġelju skont San Ġwann (13:16-20) ‘il-messaġġier ma hu aqwa minn min jibagħtu.’ 
    L-Arċisqof Scicluna stqarr li Mons. Mercieca kien konxju mill-fatt li wieħed għandu jiċħad u jinsa lilu nnifsu; li jwassal kelma ċara anke f’sitwazzjonijiet mudlama. Kompli billi qal li b’sens ta’ leadership, Mons. Mercieca kien kapaċi jibni mingħajr ma jkisser, b’rieda soda u b’ubbidjenza lejn l-awtoritajiet tal-Knisja.
    L-Arċisqof irringrazzja lill-Istat tal-għajnuna li jagħti lejn l-Iskejjel tal-Knisja, li beda frott tal-għaqal ta’ Mons. Mercieca biex l-edukazzjoni tkun għall-ġid tal-poplu Malti. Mons. Mercieca kellu kliem ta’ kuraġġ għall-għalliema, li huma “strument prezzjuż…biex iġibu ‘l quddiem il-valuri.” L-Arċisqof Scicluna staqsa kemm illum l-istudenti li joħorġu mill-istituzzjonijiet edukattivi għandhomx il-kapaċità ta’ ġudizzju, li jgħarfu bejn it-tajjeb u l-ħażin, li jindunaw bl-inganni; jekk għandhomx sens tal-valuri f’ħajjithom.
    B’riflessjoni mill-omelija tal-Arċisqof Emeritu f’Jum l-Indipendenza tal-2006, l-Arċisqof qal li fil-pajjiż hemm bżonn li jitrawmu ċittadini b’valuri tajbin, li tibda mill-ġenituri lejn l-ulied u titkompla fl-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi, li jwasslu għal bniedem sħiħ. L-Arċisqof saħaq li l-formazzjoni reliġjuża għandu jkun tisħiħ, mhux biss żieda fl-edukazzjoni.
    Illum ukoll sar quddies f’kull parroċċa b’suffraġju għal ruħ l‑Arċisqof Mercieca.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Katidral tal-Imdina
    21 ta’ April 2016
     
    “Il-messaġġier ma hu aqwa minn min jibagħtu” (ara Ġw 13, 16, 17). Ġesù qed jitkellem fuq kull min huwa mibgħut biex iwassal messaġġ.  L-awtorità ta’ min se jwassal il-messaġġ tiġi minn min tah din is-setgħa. Aħna nsejħula vokazzjoni.
    Il-Mulej, fl-Evanġelju jgħid li min jintbgħat bil-messaġġ, il-messaġġier, mhuwiex aqwa minn min jibagħtu. Ġesù qed jinsisti li għalkemm qiegħed jibgħat lid-dixxipli jwasslu aħbar tajba, l-aħbar li se jwasslu mhix tagħhom imma hija tiegħu. Mons. Mercieca kien konvint minn din il-kelma ta’ Ġesù, kien konvint. Kull meta kien jitkellem fl-omeliji tiegħu, fil-messaġġi tiegħu, kont tirrealizza li hemm proċess deliberat, għax irid, ta’ xi ħadd li huwa preokkupat iżjed milli jwassal il-messaġġ ta’ Ġesù u jrid jevita li jwassal xi idea tiegħu jew xi sentiment personali.
    Nistgħu ngħidu li għal Mons. Mercieca l-kelma ta’ Ġesù għaddiet minn għajn tassew safja għax ġiet imsoffija b’dan il-proċess konxju ta’ xi ħadd li jrid jislef lilu nnifsu, jiċħad lilu nnifsu. Dawn setgħu kienu wkoll l-ideat tiegħu, ir-rabja li kien qed iħoss, jew il-frustrazzjoni tiegħu – imma jwassal kelma ċara, kelma li jekk is-sitwazzjoni hija mudlama, iddawwalha, jekk hemm bżonn leadership tmexxi, imma mingħajr ma toħloq firda, mingħajr ma toħloq tensjoni, jew inkella rabja inutli, li tkisser u mhux tibni.  Aħna rridu ngħidulu grazzi lill-Mulej talli f’Mons. Mercieca tana Isqof li jinsa’ lilu nnifsu biex fi żminijiet li fihom kien ir-Ragħaj tagħna, wasslilna lil Ġesù.
    Jiena tlabt lill-kollaboraturi tiegħi isibuli xi kliem li qal l-Isqof Mercieca stess fuq l-iskejjel. Se nislet silta qasira minn messaġġ li kienu ħarġu l-Isqfijiet fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim bejn il-Knisja u l-Istat, dwar propjetà u l-Iskejjel tal-Knisja, fit-28 ta’ Novembru 1991.
    L-ewwelnett lil Mons. Mercieca aħna rridu nirrigrazzjawh – u jiena napprezza ħafna l-preżenza tagħkom –  talli anke bir-rieda soda tiegħu u bl-ubbidjenza tiegħu lejn is-Santa Sede, għax l-Isqof huwa l-ewwel wieħed li jrid jobdi, kien hemm din il-volontà bejn Knisja u Stat li jekk il-Knisja se tgħaddi propjetà lill-Istat, l-Istat ukoll se jiggarantixxi għajnuna lill-iskejjel. Aħna llum nixtiequ nirringrazzjaw lill-Istat tal-għajnuna li jagħti lill-iskejjel. Onorevoli Ministru Bartolo, nixtieqek twassal il-gratitudni tagħna lill-Istat, lir-Repubblika ta’ Malta, lill-Gvern ta’ Malta, ta’ kull meta aħna nħabbtu fuq il-bieb u dejjem insibu min jifhimna. Mhux bilfors kull ma nitolbu jkun jista’ jingħata immedjatament, imma jiena nixtieq nawgura li dan l-istaġun ta’ kollaborazzjoni, li anke kien il-frott tal-għaqal ta’ Mons. Mercieca u anke tal-gvernijiet li kellna jkompli għall-ġid tal-poplu tagħna.
    Fl-1991 l-Arċisqof Mercieca qal hekk:  “Filwaqt li se niddisponu mill-propjeta’ li mhix meħtieġa għall-iskopijiet pastorali, b’għaqal u prudenza” – dawn kienu żewġ kelmiet għeżież għal Mons. Mercieca – “b’għaqal u prudenza, ħsibna biex nirriżervaw xi artijiet li fit-tibdil mgħaġġel li qed iseħħ fis-soċjetà, inħossu li jistgħu jkunu ta’ ġid għal ħafna ħidmiet tal-Knisja. Aħna l-Isqfijiet inħossuna żguri li l-poplu tagħna japprezza ħafna l-fatt li parti sostanzjali mid-dħul akbar li l-Knisja se jkollha, se jiġi ddedikat għall-iskejjel tal-Knisja”. Dawn kienu kliem profetiċi li tagħhom aħna rridu ngħidu grazzi.
    Jiena nixtieq ngħaddi għall-kelma ta’ kuraġġ li Mons. Mercieca ta lill-għalliema tagħna fl-1994. Jiena nirringrazzjak Mr Bonello (M.U.T.) tal-preżenza tiegħek. F’dik l-omelija tal-75 aniversarju tal-Malta Union of Teachers, l-Arċisqof Mercieca tkellem ukoll fuq id-dmir tal-edukazzjoni u allura xi ħaġa għażiża ħafna għalih, ir-rwol tal-familja imma wkoll ir-rwol tal-għalliema biex jagħtu formazzjoni ħolistika, formazzjoni li tkun mhux biss kontenut imma il-bini tal-karattru.
    “Huma jagħrfu” qed jitkellem l-Arċisqof Mercieca fuq l-għalliema Maltin, “li s-servizz li jagħtu l-għalliema fl-iskejjel huwa appostolat awtentiku li jaqbel u huwa meħtieġ ħafna fi żmienna. Agħrfu wkoll l-għalliema tagħna li dan huwa servizz li jrid jingħata lis-soċjetà tant li l-funżjoni tal-iskola fis-soċjetà ħadd u xejn ma jista’ joħdilha postha jew jagħmilha hu. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II: ‘l-għalliema huma strument prezzjuż biex filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-fakultajiet intellettwali u l-kapaċità ta’ ġudizzju, jgħinu ħafna biex fid-dar u ż-żgħażagħ iġibu ’l quddiem is-sens tal-valuri’”. Dawn huwa kliem prezzjużi u attwali ħafna.
    Aħna u nirringrazjaw lill-Mulej ta’ dak kollu li għamel magħna l-Arċisqof Emeritu Mons. Mercieca, niftakru l-aħwa, lilna nfusna: l-istudenti li qegħdin joħorġu mill-iskejjel primarji, sekondarji, post-sekondajri, mill-Università, qed ikollhom dan l-iżvilupp tal-fakultà intellettwali u l-kapaċità ta’ ġudizzju li inti tagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, li inti tagħraf l-ingann, li inti tagħraf in-nofs veritajiet?  Għandhom sens tal-valuri?
    Jiena nixtieq nirringrazzja l-ġenerazzjonijiet sħah ta’ għalliema, ta’ teachers, ta professuri, ta’ edukaturi li ħafna minnhom qegħdin hawn ukoll illum, talli huma u jgħallmu kontenut qed jgħaddu wkoll il-valur. Grazzi, u nirringrazzjakom f’isem il-Knisja, jiena u nirrepeti b’sens ta’ gratitudni l-kliem ta’ Mons. Mercieca.
    Nikkonkludi bl-aħħar kelma li Mons. Mercieca ta f’Jum l-Indipendenza tal-2006, għaliex l-omelija tal-2007 għamiltha inti, għażiż Mons. Cremona. Fl-omelija tal-21 ta’ Settembru, Mons. Mercieca tkellem dwar forsi l-iżjed ħaġa għażiża għalih: l-edukazzjoni u t-trobbija tal-ulied. Huwa kien qed jitkellem fuq il-fatt li aħna, fil-pajjiż, hemm bżonn li niżguraw ċittadini b’valuri, ċittadini li għandhom il-qawwa morali li jagħrfu bejn it-tajjeb u l-ħażin, u jagħżlu t-tajjeb. Inti tista’ tgħid it-tajjeb u l-ħażin, imbagħad trid tiddeċiedi: tagħżel it-tajjeb. Hu jgħid hekk: “L-azzjoni li rridu nieħdu trid tkun fuq livelli diversi. Il-bażi trid tkun il-formazzjoni tajba tal-ulied”. Dan il-kliem ta’ għaxar snin ilu, għadu frisk. “L-Istat għandu jagħmel kull ma jista” jgħid Mons. Mercieca, “biex jgħin lill-ġenituri jagħtu lil uliedhom it-trobbija li l-ulied għandhom dritt għaliha mingħand il-ġenituri flimkien u speċjalment meta jkunu għadhom żgħar”.
    Mons. Mercieca qed jgħid li l-ewwel pedament huwa l-edukazzjoni li jridu jagħtu l-ġenituri flimkien, l-ommijiet u l-missirijiet b’mod speċjali meta huma żgħar, imbagħad jidħol ukoll fl-iskola. “L-iskejjel imbagħad iridu joffru kontinwità mal-ħidma tal-ġenituri fil-formazzjoni tal-ulied. Din il-kontinwazzjoni trid tkun mibnija fuq saqajn sodi,  irridu nżommu quddiem għajnejna li l-edukazzjoni trid taħseb għall-formazzjoni tal-bniedem sħiħ”. Imbagħad jgħid: “Dan ifisser li t-tagħlim tar-reliġjon għandu jingħata attenzjoni u importanza sħiħa”.
    Mons. Mercieca bil-mod tipiku tiegħu għax kien bla kantunieri wkoll allavolja kien bniedem umli u ġwejjed jgħid, “Allaħares jiġrilna li nibdew naħsbu li l-ħin tat-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel se jiġi utilizzat aħjar jekk jintuża għal xi tagħlim ieħor, atteġġjament bħal din jista’ biss ikollu konsegwenzi qarsa fil-formazzjoni tal-karattru tal-ulied li huma ċ-ċittadini ta’ għada. It-tagħlim li t-tfal jirċievu fil-klassijiet tal-katekiżmu fil-parroċċi u oqsma oħra tal-Knisja, għandu jkun għalina bħala tisħiħ mhux sostitut tal-formazzjoni li l-ulied jirċievu mingħand il-ġenituri tagħhom fi ħdan il-familja u fl-iskejjel. Jekk aħna qed ngħidu formazzjoni ħolistika tkun ħasra jekk aħna naħsbu biss fuq il-livell orizzontali u ma naħsbux fuq livell traxxendentali, dak vertikali. Għaliex aħna biex ngħixu flimkien ta’ ċittadini għandna l-liġijiet, għandna l-prinċipji tal-etika, għandna l-code of conduct tal- istituzzjonijiet”. Dak huwa livell importantissmu, vertikali, imma l-bniedem għandu dan l-istint spiritwali, reliġjuż, traxxendentali li l-edukazzjoni ma tistax tinsa’ u din kienet sejħa profetika ta’ Mons. Mercieca.
    Illum fil-preżenza tagħkom u anke fil-preżenza taż-żgħażagħ tagħna li nirringrazzjhom tal-kant matul din il-Quddiesa – aħna nirringrazzjaw minn qalbna ta’ dan ir-ragħaj u qegħdin hawn illum biex fit-tletin jum mill-ikbar vjaġġ tiegħu, dak li ħadu fl-eternità, aħna nkunu nikru bħala Knisja, bħala Xirka tal-Qaddisin. Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu, jistrieħ fis-sliem. Ammen.
      Charles J. Scicluna                                                            
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Photocity, Valletta.