L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nistgħu nimmaġinaw il-ferħ ta’ din il-koppja li titweldilha tarbija. It-tradizzjoni tgħidilna li kienu Anna u Ġwakkin u li semmew it-tifla tagħhom, dik li aħna nħobbu, inqimu u nivveneraw bħala “il-Bambina”, semmew din il-bambina Marija, Marjam jew Mirjam. Nixtieq nislet riflessjoni qasira dwar l-ismijiet għeżież tal-ġenituri tal-Bambina u tal-Bambina nnifisha. għaliex illum kulħadd bil-maskra jew bil-visor u l-karità tfisser ukoll li m’għandix indum.

Ġwakkin, Anna u Marija

Missierha, Ġwakkin, semmewh b’isem għażiż Joachim li jfisser huwa Alla li jqajmek, li jerfgħek, il-qawmien tiegħek hu l-Mulej. Anna, omm il-Bambina u n-nanna ta’ Ġesù, kellha isem li jfisser ħniena, sbuħija u grazzja. Dawn iż-żewġ ismijiet f’dawn il-persuni għeżież jingħaqdu fl-imħabba bħalma ċċelebrajna disa’ xhur ilu. Fl-għaqda tal-imħabba ta’ bejniethom Alla jagħmel l-ewwel intervent. It-tarbija tagħhom, disa’ xhur qabel, titnissel mingħajr tebgħa, u llum, disa’ xhur wara t-8 ta’ Diċembru, iltqajna biex nifirħu bit-twelid ta’ din il-bambina li semmewha b’isem għażiż għall-poplu Lhudi: Mirjam jew Marjam bil-Latin u bil-Grieg Marija.

Xi jfisser dan l-isem ta’ din il-bambina? Hemm ħafna interpretazzjonijiet. M’hemmx tifsira waħda għall-isem Mirjam għax għandu għeruq profondi u wħud mill-istudjużi jgħidulna li l-isem Mirjam, Marjam u Marija ġej saħansitra mill-Eġizzjan antik. Imma l-poplu Lhudi, li kellu l-eżilju tiegħu fl-art tal-Eġittu minħabba l-ġuħ meta Ġakobb jew Iżrael ħa t-tnax-il uliedu u flimkien ma’ Ġużeppi li kien diġà jistenniehom hemmhekk, sabu l-kenn u min jitmagħhom, allura addottaw ukoll id-drawwiet u anke l-lingwa tal-Eġizzjan antik.

Fil-fatt, Mirjam huwa l-isem li omm Mosè tat lil oħtu. Kif nafu, isem Mosè mhux ommu tagħthulu, imma ngħata l-isem mit-tifla tal-faragħuni li salvatu min-Nil u qalet li se jkun jismu  Mosè għaliex salvatu mill-ilma (ara Eż 2:10). Imma oħt Mosè, Mirjam, kellha isem Lhudi li tawha l-ġenituri tagħha, u fil-poplu Lhudi l-isem Mirjam baqa’ u jibqa’ sal-lum isem għażiż ħafna.

Din il-bambina li aħna qed niċċelebraw illum kellha twelid lil dak li aħna nafuh bħala l-Mosè l-ġdid għaliex tana l-liġi l-ġdida tal-imħabba u tal-maħfra tal-għedewwa. Imma Mirjam ifisser qatra fil-baħar, ifisser ukoll frott il-hemm. Infatti, studjużi Lhud, iżjed mill-Insara, jgħidu li peress li oħt Mosè twieldet fid-dulur u t-turufnament tal-iskjavitù fl-Eġittu, kienet espressjoni ta’ tama f’baħar ta’ hemm u ta’ morr. Anke aħna, fil-lingwa tagħna, inżommu dan l-għerq: il-mirra, il-morr. Mirjam hija propju frott il-hemm. Imma hija wkoll qatra fil-baħar. Bl-Aramajk hemm interpretazzjoni sabiħa tal-isem Marjam: ‘-mar’ hija qatra u ‘-jam’ tfisser qatra fil-baħar.

Nistgħu nieħdu dawn it-tifsiriet kollha tal-isem ta’ Mirjam, tal-isem tal-Bambina u nisiltu riflessjonijiet li jgħinuna fil-ħajja tagħna għaliex aħna, f’dan il-wied tad-dmugħ, dejjem ħarisna lejn il-Bambina. Nistgħu ngħidu li isimha stess ifakkarna f’dan il-wied tad-dmugħ. Hija dik il-kewkba li f’dan il-wied tad-dmugħ tfakkarna li Alla huwa ħniena, li Alla huwa mħabba. Għalhekk, hi li tatna lil binha Ġesù, Yeshua, Għimmanu-El, Alla jsalva u Alla magħna, issir bħal dak is-sebħ li jgħidilna: għalikom tielgħa x-xemx tal-ġustizzja, ix-xemx tal-ħniena, tal-fedeltà u tal-imħabba.

Binthom, il-frott ta’ mħabbithom, tgħidilna biex ma naqtgħux qalbna f’dan il-wied tad-dmugħ …

Missierha jfakkarna li Alla biss huwa l-qawmien tagħna Joachim. Ommha tfakkarna li Alla jqajjimna u jerfagħna bil-ħniena sabiħa tiegħu mimlija grazzja. Binthom, il-frott ta’ mħabbithom, tgħidilna biex ma naqtgħux qalbna f’dan il-wied tad-dmugħ, li aħna ċkejknin bħal qatra f’baħar kbir, qatra f’oċean imma din il-qatra ħanina, sabiħa taf tbiddel baħar mielaħ fil-baħar ħelu tal-maħfra u ta’ rikonċiljazzjoni.

Il-Bambina llum

Fit-8 ta’ Settembru aħna l-Maltin u l-Għawdxin niċċelebraw tant mumenti fl-istorja tagħna li providenzjalment maqgħudin ma’ dawn id-dati, is-7 u t-8 ta’ Settembru. Għalina dawn dejjem kienu dati ta’ ħelsien, ta’ ħarsien. Meta fit-8 ta’ Settembru konna niċċelebraw it-twelid tal-Bambina, mingħajr ma ridna, kemm fl-1565 u fl-1943, ħarisna lejn il-Bambina bħala t-tama tagħna, omm it-tama, omm il-ħniena u tama tagħna.

Ma nistgħux nippretendu li l-Madonna, bil-qawwa tagħha tagħmel il-maġija, imma tgħin lil min jgħin lilu nnifsu.

F’dan il-kuntest ta’ pandemija, ta’ mard mad-dinja kollha u anke fostna, din is-sena ejjew nitolbu l-interċessjoni tal-Bambina biex ma naqtgħux qalbna, niġbdu ħabel wieħed, inkunu prudenti u għaqlin. Ejjew inħobbu tassew lil xulxin billi nobdu lill-awtoritajiet tas-saħħa u ma nkunux nies boloh li naħsbu li dan l-għadu li ma jidhirx ma jistax ikun ta’ theddida għalina. Forsi din hija battalja u sitwazzjoni kkumplikata iżjed għax dan il-virus ma tarahx, u tarah meta forsi jkun tard wisq, ikun laqtek u forsi lilek imegħkek ftit u jgħaddi, imma lil xi ħadd għażiż tiegħek li jkun vulnerabbli ġġiegħlu jħallas prezz ħafna għoli.

Għalhekk, waqt li nieħdu ħsieb xulxin u nitolbu l-ħarsien tal-Bambina, nifhmu li jekk missirijietna kantaw il-vitorja imma għamlu u taw sehemhom, aħna mhux inqas. Ma nistgħux nippretendu li l-Madonna, bil-qawwa tagħha tagħmel il-maġija, imma tgħin lil min jgħin lilu nnifsu. Missirijietna jgħallmuna; ma rawx l-għadu u qagħdu jistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqhom. Iżda ssieltu, tqabdu u rebħu. Aħna wkoll hekk se nagħmlu imma jiddependi minn kull wieħed u waħda minna.

Illum il-Madonna, il-Bambina, insellmulha bħala l-ħarsien tagħna minn kull dnewwa. Insejħulha bħala l-faraġ tal-imniktin u s-saħħa tal-morda, insellmulha bħala dik il-qatra fl-oċean mielaħ li bl-imħabba u l-ħniena ta’ Alla tista’ tagħmlu dak il-baħar mielaħ, sabiħ, u ħelu li jferraħ u jgħajjex. Illum nifirħu mal-ġenituri tagħha imma nifirħu li dan s-sebħ ta’ jum ġdid qed jgħidilna: ix-xemx tal-ġustizzja, Kristu, is-Salvatur, huwa magħkom. Alla magħna u għalhekk inħarsu lejha u bl-għajta ta’ missirijietna ngħidulha: Viva Marija Bambina!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Mikea 5: 1-4a
Salm: 12
Qari II: Rum 8: 28-30
Evanġelju: Mt 1: 1-16. 18-23

More Photos >>