L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ommu …” Dak li naqraw f’San Ġwann l-evanġelista jgħidilna fil-qosor ħafna li Marija kienet wieqfa taħt is-salib. Ma jgħidx x’kienet qed tħoss dak il-ħin, ma jispjegax id-dulur tagħha, imma jgħid li kienet wieqfa taħt is-salib taqsam it-tbatija ma’ binha Ġesù.

Tolqotna din is-sentenza ta’ San Ġwann fuq Marija li kienet wieqfa hemm. Għaliex jekk aħna ninnutaw ftit fl-Evanġelju, naraw li Marija, wara t-twelid u t-tfulija ta’ Ġesù, ftit li xejn tissemma – xi darba jew tnejn tul il-ministeru ta’ Ġesù. Ħallietu f’libertà sħiħa biex hu jaqdi l-missjoni tiegħu bla qatt ma tindaħal u bla qatt ma tidher. Marija la tissemma fil-mumenti ta’ glorja u lanqas fil-mumenti ta’ ferħ. Pereżempju, meta Ġesù kien fuq it-Tabor u kellu dik id-dehra flimkien ma’ tlieta mid-dixxipli tiegħu, Marija ma kinetx hemm. Fid-daħla tiegħu trijonfali f’Ġerusalemm, Marija ma tissemmiex. Imma mbagħad fejn kienet? Kienet fejn is-salib. Kienet miegħu fil-passjoni, fil-mewt. Kienet miegħu fit-tbatija b’qalb ta’ omm.

Marija takkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna, u speċjalment fil-mumenti ta’ tbatija.

Meta kienet miegħu fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, Ġesù jagħti lil ommu lil Ġwanni, biex tkun ommna u omm l-umanità. Ġesù li dejjem f’ħajtu ta kontinwament, jagħti l-ikbar rigal f’dak il-ħin: ommu biex tkun ommna. Aħna l-Maltin qisna waqafna b’mod speċjali f’dak il-mument – Marija Addolorata taħt is-salib, Marija bħala ommna. Bqajna dejjem b’din ir-rabta speċjali ma’ Marija Addolorata. Il-mument li għażel Ġesu hu l-mument li aħna bħala poplu għażilna biex inżommu bħala xbieha speċjali ta’ Marija bħala ommna. Marija takkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna, u speċjalment fil-mumenti ta’ tbatija.

Illum qed ngħixu din il-festa f’ċirkustanzi partikulari ħafna. Bħal-lum, is-soltu, f’kull raħal u belt ta’ Malta, ħafna min-nies jimxu wara Marija. Illum mhux possibbli dan. Illum hu possibbli li minn djarna jkollna din ir-rabta ma’ Marija, u għalhekk li llum inkunu bi ħġarna minn djarna. Hemmhekk fis-skiet ta’ djarna jista’ jkollna dik ir-rabta sħiħa ma’ Marija u nitolbuha b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet diffiċli li għaddejjin minnhom.

Illum inqiegħdu quddiem Marija lil dawk kollha li għaddejjin minn tbatija. Dawk in-nies li huma morda u l-qraba tagħhom, dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż speċjalment f’dawn il-ġranet u ma kellhomx l-opportunità li jagħtuh jew jagħtuha tislima kif jixtiequ. Inqiegħdu lil dawk li b’xi mod iħossuhom abbandunati jew iżolati jew maqtugħin minn qrabathom minħabba ċ-ċirkustanzi.

Inqiegħdu lil dawk li għaddejjin minn tbatija minħabba inċertezza dwar il-futur. Tant ommijiet u missirijiet inkwetati u mħassba fuq it-tfal tagħhom. Kellhom pjanijiet għalihom li sfaxxaw jew li sfrattaw. Inqiegħdu tant nies li jistgħu jkunu f’riskju ta’ faqar, jew riskju li jitilfu x-xogħol, jew riskju wkoll li b’xi mod jew ieħor jispiċċaw mingħajr l-affarijiet essenzjali tal-ħajja. Lil dawn kollha nqegħduhom quddiem Marija li dejjem tifhem it-tbatija tagħna u tgħinna biex nimxu ’l quddiem f’ħajjitna.

Marija wieqfa ħdejn is-salib tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għal tant nies illum li qegħdin jgħinu lil dawk li huma fil-bżonn.

Inqiegħdu quddiem Marija lil dawk li bħalissa qegħdin bħalha jieqfu man-nies fit-tbatija. Marija dejjem hija eżempju kbir tal-protezzjoni tal-ħajja. Hi li pproteġiet il-ħajja ta’ Ġesù sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, u mbagħad kellha d-dulur li tara din il-ħajja tintemm b’dak il-mod hekk ikrah fuq is-salib, takkkumpanja lil dawk kollha li bħalissa qegħdin jaħdmu għall-protezzjoni u l-ħarsien tal-ħajja tan-nies: it-tobba, l-infermiera, dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, u kull min qed jagħti servizz essenzjali fis-soċjetà biex iħarsu s-saħħa u l-ħajja tan-nies.

Marija wieqfa ħdejn is-salib tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għal tant nies illum li qegħdin jgħinu lil dawk li huma fil-bżonn. Ħafna drabi dan jagħmluh fis-skiet u fil-kwiet, imma b’solidarjetà jfittxu li jkunu ta’ għajnuna għal dawk li huma waħedhom, għal dawk li għandhom bżonn anke ikel, dawk li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ sapport, ta’ appoġġ, ta’ konsolazzjoni. Marija hija l-isbaħ eżempju ta’ dan u żgur li takkumpanja lil dawk li bħalissa qegħdin jaħdmu bis-sħiħ f’dawn iċ-ċirkustanzi hekk diffiċli ta’ żminijietna.

F’din il-festa għażiża għalina ta’ Marija Addolorata, lil Marija nitolbuha biex tħarisna fir-ruħ u fil-ġisem, lilna lkoll u l-familji tagħna. Nitolbu li ssaħħaħ fina dan l-ispirtu qawwi li kellha hi wieqfa taħt is-salib u speċjalment il-fidi, it-tama u l-imħabba li tant jispikkaw fiha u li fil-fatt jagħtu r-rebħa fil-ħajja tagħna.

Nitolbu lil Marija biex tkompli tkun għalina għajn ta’ tama. Marija taħt is-salib hi sinjal kbir ta’ tama għalina. Hi sinjal li dik hija r-rebħa. Għall-mument ma tidhirx, jidher kollox qed jispiċċa fix-xejn. Imma Marija hemmhekk hi eżempju għalina ta’ kif temmen, kif tittama u kif tħobb b’mod sħiħ u kif dawn huma li jagħtu r-rebħa fil-ħajja.

✠ Joseph Galea-Curmi
     Isqof Awżiljarju