Il-Provinċja Agostinjana ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, ħejjiet il-programm ta’ ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Mons. Prospero Grech O.S.A. Għal dan il-għan twaqqaf kumitat sabiex jorganizza l-aspetti kollha ta’ dan l-avveniment.

Mons. Grech ser ikun ordnat isqof u ngħata t-titlu personali ta’ Arċisqof Titulari ta’ San Leone fil-Basilicata (Italja). Din is-sede veskovili twaqqfet fis-seklu XIV u kienet soppressa fl-1571. Lejn tmiem is-sekli XIV u l-bidu tas-seklu XV żewġ Agostinjani mexxew din id-djoċesi (Nicola de Lorenzo O.E.S.A u Geminiano Giovanni de Sochefani O.E.S.A). Fost l-Isqfijiet li kellhom it-titlu ta’ San Leone nsibu lis-Segretarju tal-Beatu Ġwanni Pawlu II, Mons. Stanislaw Dziwisz (mis-7 ta’ Frar 1998 sat-3 ta’ Ġunju 2005, meta kien innominat Arċisqof ta’ Krakovja).

L-istemma episkopali ta’ Mons. Grech O.S.A. hija maqsuma b’mod djagonali f’żewġ partijiet ugwali. Fuq naħa waħda hemm is-salib ta’ Malta fuq sfond aħmar, fuq naħa oħra, fuq sfond ikħal skur tidher l-arma tal-Ordni ta’ Santu Wistin (il-qalb imħeġġa u minfuda fuq il-ktieb tal-Iskrittura u bis-simboli episkopali tas-salib u l-baklu). Il-motto magħżul minn Mons. Grech huwa meħud mill-ewwel kelmiet tas-Salm 31:  “In te Domine speravi” (Fik, Mulej, jien nistkenn). Din l-istemma tintuża sakemm issir il-ħatra kardinalizja fit-18 ta’ Frar li ġej.

Mons. Prospero Grech O.S.A. ser ikun Malta mis-6 sal-10 ta’ Frar.

.

PROGRAMM TAL-ORDINAZZJONI EPISKOPALI

.

6 ta’ Frar

Wasla f’Malta ta’ Mons. Prospero Grech O.S.A.

7 ta’ Frar

11.30 a.m. Konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof, Floriana.

7.00 p.m. Velja ta’ talb bi preparazzjoni għall-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Mons. Prospero Grech O.S.A. fil-Knisja ta’ Santu Wistin, Valletta.

8 ta’ Frar

6.00 p.m. Ordinazzjoni Episkopali ta’ Mons. Prospero Grech O.S.A. fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

9 ta’ Frar

7.15 p.m. Mons. Prospero Grech imexxi l-quddiesa ta’ lejliet il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, fil-Knisja ta’ San Pawl, il-Belt Valletta.

10 ta’ Frar

Mons. Prospero Grech iħalli Malta lejn Ruma.