• Il‑Kurja tal‑Arċisqof tesprimi d‑diżappunt tagħha għall‑attakki inġusti bbażati fuq akkużi foloz li ‘l‑Orizzont’, il‑ġurnal tal‑General Workers Union, qiegħed jippersisti bihom fil‑konfront tal‑Arċisqof u tal‑Knisja f’Malta. Dawn l‑attakki huma bbażati fuq allegazzjonijiet foloz. Fost dawn, fil‑ġurnal ‘l‑Orizzont’ tal‑bieraħ u tal‑lum, kien hemm allegazzjoni għal kollox mhux vera dwar impjegata fl‑Ufficcju Missjunarju. Dan l‑Uffiċċju, li ma jiffurmax parti mill‑Kurja iżda minn organizzazzjoni internazzjonali li hija awtonoma u li taqa’ direttament taħt il‑Papa, se jkun qed jieħu passi legali fil‑konfront tal‑ġurnal.

    L‑attakki fil‑konfront tal‑Arċisqof u tal‑Knisja qed jippersistu wara li Monsinjur Arċisqof tkellem dwar il‑madwar 600 ħaddiem li jaqgħu taħt skema mmexxijja mill‑General Workers Union, fejn il‑ħaddiema jitħallsu inqas minn persuni oħrajn li jagħmlu l‑istess xogħol tagħhom. Kull ma talab l‑Arċisqof kien li l‑qligħ li qed isir minn fuq dawn il‑ħaddiema jingħata lura lill‑istess ħaddiema. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsir mill‑General Workers Union, il‑ħaddiema impjegati mad‑Dar tal‑Providenza permezz ta’ din l‑iskema jirċievu l‑istess paga daqs il‑ħaddiema l‑oħra li qed jagħmlu l-istess xogħol.

    Hu diffiċli li wieħed jifhem għaliex l‑Arċisqof qed jiġi attakkat mill‑gazzetta tal‑Union, meta kull ma qed jagħmel hu li jiddefendi d‑drittijiet tal‑ħaddiema.

  •