• **

    Direttur: Luke Greenfield
    Atturi: Jake Jonson, Damon Wayans Jr.
    Ħin: 144 minuti

    Klassifika taċ-Ċensura: 15
    Klassifika tal-Knisja: 18

    Ryan u Justin, żewġt iħbieb li kienu jaqsmu l-istess kamra fl-universita’ u li issa t-tnejn li huma kważi jinsabu bla xogħol, bi żball jaħsbu li r-reunion ta’ dawk li kienu fl-istess sena tagħhom kienet bil-kostum u għalhekk imorru għal din il-laqgħa libsin ta’ pulizzija. Huma u sejrin lejn id-dar jindunaw li l-uniformi qedha ġġibilhom ċertu rispett u għalhekk jiddeċiedu li jkomplu jilbsuha bħala ċajta. Iżda din iċ-ċajta tinbidel f’serjeta’ meta jħabbtu difrejhom mal-kap kriminali Mossi. Issa mhux biss ħajjithom tkun fil-periklu imma anke l-ħajja ta’ Josie, il-girlfriend ta’ Justin, u ta’ Segars, pulizzija ta’ veru li jaħseb li Ryan u Justin ukoll kienu pulizzija. Il-ħbieberija tagħhom tibda tixxellef meta Justin jgħid lil sieħbu biex din iċ-ċajta jaqtugħa iżda Ryan ma jkunx irid. Hekk ukoll, meta biex ikunu jistgħu josservaw il-ħidma ta’ Mossi huma jużaw l-apartament ta’ tfajla li tieħu d-droga u li toqgħod tħajjarhom; Ryan jibda jinteressa ruħhu fiha iżda din l-imġieba ddejjqu lil Justin. Film kummiedja jixbah lil films oħra ta’ din ix-xorta li saru qablu u li ma’ fih xejn ġdid. Il-biċċa l-kbira tiegħu jikkonsisti f’materjal skabruż u li ftit idahhaq. Fih xeni ta’ vjolenza, kontenut sesswali u nudita’, u ħafna kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.