Għada, 19 ta’ Marzu 2022, 22 saċerdot, djoċesani u reliġjużi, se jfakkru l-50 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tagħhom mill-Arċisqof Mikiel Gonzi. Il-quddiesa se titmexxa mill-Isqof Vincent Costa, li hu l-Isqof ta’ Jundiaí fil-Brażil, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta fis-5.45pm. Fost dawn is-saċerdoti, hemm uħud li qed jaħdmu fil-Brażil, l-Awstralja u l-Ġermanja. Tliet saċerdoti ħallew din id-dinja għall-ħajja ta’ dejjem.

Dawn is-saċerdoti jaħdmu bħala għalliema, kappillani u viċijiet fil-parroċċi u fid-djar tal-anzjani, f’ħidma djoċesana u anke fil-Vatikan, inkluża wkoll il-ħidma ta’ isqof fil-Brażil. Din il-varjetà ta’ ħidmiet turi s-sejħa li saret mill-Knisja ta’ wara l-Konċilju Vatikan II u t-tweġiba ġeneruża ta’ dawn is-saċerdoti u ta’ saċerdoti u lajċi oħra li offrew ħajjithom lill-Mulej.

Din il-quddiesa hi grazzja kbira għalihom kif ukoll xhieda ta’ saċerdozju mogħti għas-servizz tal-Poplu ta’ Alla f’pajjiżna u barra minnu.

Niftakru fihom fit-talb tagħna ħalli l-Mulej jkompli jżomm idejh fuqhom u fuq il-ħidma li għadhom iwettqu fi ħdan il-Knisja għall-ġid tal-poplu afdat f’idejhom mingħand l-isqof tagħhom.

L-Arċisqof Charles Scicluna flimkien ma’ wħud mis-saċerdoti li qed jiċċelebraw il-50 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali