L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Meta naqraw l-Evanġelju tal-lum, żgur li jiġi f’moħħna: dan kif Ġesù qed iqabbel is-Saltna ta’ Alla ma’ sid li jħallas l-istess lil min ħadem siegħa u ’l min għamel il-ġurnata kollha jaħdem?  Din ġustizzja? Din fair? Ħaġa sewwa? 

Għalhekk importanti li aħna nifhmu x’irid jgħid Ġesù b’din il-parabbola u x’ma jridx jgħid.  Din mhix parabbola li  titkellem fuq il-ġustizzja soċjali, kif għandha tkun il-ġustizzja bejn in-nies. Mhijiex parabbola li titkellem fuq kif għandu jsir il-ħlas fil-post tax-xogħol. Ġesù mhux qed jgħid li s-sid għandu d-dritt li jħallas kif irid u lil min irid, mingħajr konsiderazzjonijiet oħra. Hawn Ġesù mhux qed jitkellem fuq ix-xogħol li nagħmlu aħna l-bnedmin u l-ġustizzja soċjali bejnietna.

Qed jitkellem fuq ħaġa oħra. Hawn qed jitkellem fuq kif aħna nittrattaw lil Alla u kif Alla jittratta lilna. Allura hi differenti. Hi dak li smajna fl-ewwel Qari:  “Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom”. Hemm differenza bejn waħda u oħra. U hawnhekk nifhmu lil Ġesù għax qed jitkellem fuq kif Alla jittratta magħna u aħna miegħu.

Insemmi dawn il-punti li joħorġu mill-Evanġelju tal-lum.

L-ewwel nett, Alla hu ġust, il-ġustizzja fil-milja tagħha.  Imma Alla huwa wkoll ħanin u ta’ qalb tajba.  Kif tlabna fis-Salm: “Twajjeb u ħanin il-Mulej”. Magħna dejjem b’dak il-mod jittratta. Alla ħabbna qabel ħabbejnieh aħna. Il-ġid li għandna nafuh lilu, it-tajjeb li jista’ jkollna ġej minnu. Nafu li hu magħna jittratta dejjem bl-akbar ġenerożità, bl-ikbar imħabba u ħniena.

Għalhekk aħna, meta nħarsu lejn Alla, għandu dejjem ikollna f’qalbna din il-gratitudni; li nkunu grati lejn dak li Alla jagħmel magħna u lejn dak li Alla jagħtina.  Hi din il-gratitudni li tiftħilna qalbna biex nagħrfu kemm Alla jagħmel magħna f’ħajjitna. Meta nagħrfuh hekk, nintebħu tassew kif Alla magħna jagħmel ħafna ġid u lilna jixtiqilna biss il-ġid.

Naqdu dmirna bl-imħabba u b’dedikazzjoni, u hu dejjem jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.

Għalhekk, imbagħad, meta aħna nagħrfu dak li Alla jagħmel magħna u jkollna din il-gratitudni, li qed jgħid Ġesù f’din il-parabbola hu li aħna ma’ Alla ma nistgħux nippretenduha, qisna lilu nistgħu nobbligawh għal xi ħaġa. Lanqas ma għandna lil Alla nlumuh għax inħarsu lejn l-oħrajn madwarna u nippretendu li nkunu bħalhom jew aħjar minnhom. Inħarsu lejn l-oħrajn u nibdew ngħidu:  Għaliex lili ma tajtnix dak il-ġid lil tajt lill-ieħor? Għaliex lili ma tajtnix is-saħħa bħalma tajt lill-oħra? Jista’ jkun li dawn il-mistqosijiet jiġu f’moħħna jew li nħossuhom f’qalbna, imma meta jiġu, nagħrfu li aħna nkunu nkunu żbaljati, għax lil Alla ma nistgħux inlumuh jew nobbligawh, jew nippretendu minn għandu, jew b’xi mod nimmaġinaw li meta nħarsu lejn l-oħrajn, inkunu aħjar minnhom jew li jkollna l-istess affarijiet tagħhom.

Dan hu l-messaġġ li qed jagħtina llum. Tindunaw kemm din hi differenti millli nitkellmu fuq il-ġustizzja soċjali fil-post tax-xogħol u l-ħlas li  għandu jsir skont il-kondizzjonijiet tajbin għall-ħaddiema. Hawn qed nitkellmu fuq Alla li hu l-milja tal-ġustizzja, tal-imħabba; u aħna meta nħarsu lejh, nirċievu t-tajjeb mingħandu, il-ġid mingħandu, u lejh ikollna biss gratitudni. U nindunaw kemm hu veru dan li jgħid Ġesù. Meta ngħixu hekk, nagħrfu tassew li Alla jsejħilna biex naħdmu, min ħin u min f’ieħor. Minna jixtieq biss li nagħmlu dak li jafdalna f’idejna b’responsabbiltà. Naqdu dmirna bl-imħabba u b’dedikazzjoni, u hu dejjem jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.

Għalhekk, f’din il-quddiesa, nirringrazzjaw lil Alla. Nitolbuh biex f’qalbna jkollna dejjem din il-gratitudni lejh, nagħrfu l-ħafna barkiet, il-ġid li jagħtina f’ħajjitna; jeħlisna mill-għira, mill-pretensjonijiet, milli aħna b’xi mod inqabblu lilna nfusna mal-oħrajn – ħaġa li kultant tiġri f’ħajjitna – biex nistgħu ngħixu fil-paċi tiegħu u mbagħad naqdu b’responsabbiltà l-ħidma li jsejħilna għaliha għaliex f’qalbna jkollna tassew l-imħabba lejh u l-paċi li jnissel f’qalbna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju