L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Mark Pellicano bħala l‑kap il‑ġdid tas‑Safeguarding Commission tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, li tinvestiga każijiet ta’ abbuż fi ħdan il‑Knisja u tippromwovi l‑benesseri tat‑tfal u tal‑adulti vulnerabbli.

Is-Sur Pellicano, li kien Senior Manager tas-Servizzi tat-Tfal fi ħdan Fondazzjoni Sebħ – organizzazzjoni tal-Knisja li toffri residenzi lil tfal li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-familji tagħhom – għandu esperjenza estensiva f’dan il-qasam minħabba li okkupa diversi karigi, kif ukoll huwa lettur fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.

Is-Sur Pellicano qal: “Nirringrazzja lill-Arċisqof talli afdani b’dan l-irwol importanti. L-għan tiegħi huwa li nkompli niżgura li s-Safeguarding Commission tkun spazju sigur fejn it-tfal u l-adulti vulnerabbli jħossu li se jiġu mismugħa u se jingħataw l-appoġġ meħtieġ permezz ta’ approċċ iċċentrat fuq il-vittma, filwaqt li kull ilment imressaq jiġi ivvalutat bir-reqqa, validat u investigat b’mod mill-aktar professjonali u oġġettiv.

“Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tagħmel enfasi kbira fuq miżuri preventivi u taħriġ ibbażat fuq ir-riċerka u l-aħjar prattiċi; u taħdem id f’id ma’ bord ta’ esperti  ġejjin milll-oqsma soċjali, psikoloġiċi, u psikjatriċi.”

L-Arċisqof qal: “Nixtieq nirringrazzja lis-Sur Andrew Azzopardi għas-servizz li ta u l-ħafna xogħol li wettaq sabiex is-Safeguarding Commission tkun dik li hi llum, u għandi kull fiduċja li s-Sur Pellicano se jkompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni eċċellenti tal-Kummissjoni fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-abbuż fil-forom kollu tiegħu.”