• “Biljun turist, biljun opportunità”

    1. Fl-2012, inqabżet il-fruntiera simbolika tal-miġja ta’ biljun turist internazzjonali. Issa n-numri għadhom jikbru tant li t-tbassir jistima li sal-2030 se tkun intlaħqet iċ-ċifra ta’ żewġ biljuni. Ma’ din iċ-ċifra jkunu jridu jingħaddu wkoll in-numri, anke ikbar minn hekk, tat-turisti lokali.

    Għall-Jum Dinji tat-Turiżmu rridu nikkonċentraw fuq l-opportunitajiet u l-isfidi li jqanqlu dawn l-istatistiċi, u għalhekk qed nagħmlu tagħna t-tema magħżula mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu: “Biljun turist, biljun opportunitajiet”.

    Dan it-tkabbir iniedi sfida lis-setturi kollha involuti f’dan il-fenomenu globali: turisti, negozji, gvernijiet u komunitajiet lokali u, naturalment, il-Knisja wkoll. Il-biljun turist iridu jiġu meqjusin fuq kollox fil-biljun opportunitajiet tagħhom.

    Dan il-messaġġ qed jinħareġ ftit jiem wara l-preżentazzjoni tal-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato si’ dedikata għall-kura tad-dar komuni tagħna.[1] Irridu nikkunsidraw fil-fond dan id-dokument għaliex joffri linji ta’ gwida importanti xi nsegwu fl-attenzjoni tagħna lid-dinja tat-turiżmu.

    2. Ninsabu f’fażi ta’ tibdil fejn il-mod ta’ kif niċċaqilqu minn post għal ieħor qed jinbidel u konsegwentement miegħu qed tinbidel ukoll l-esperjenza tal-ivjaġġar. Dawk li jmorru f’pajjiżi differenti minn tagħhom qed jagħmlu dan bix-xewqa, li ftit jew wisq ikunu jħossuha, li permezz tal-inkontru, il-qsim u l-konfrontazzjoni, iqajmu mill-ġdid l-iktar parti mistura ta’ ġewwa fihom. Aktar u aktar, it-turist ifittex kuntatt dirett ma’ dak li huwa differenti fl-istraordinarjetà tiegħu.

    Il-kunċett klassiku ta’ “turist” issa qed ibatti, waqt li dak ta’ “vjaġġatur” sar iktar qawwi: jiġifieri, xi ħadd li ma jillimitax lilu nnifsu għal li jżur post, iżda b’xi mod isir parti integrali minnu. Twieled iċ-“ċittadin tad-dinja”: mhux iżjed biex jara iżda biex isir parti minn post, mhux biex joqgħod idur iżda biex jesperjenza, mhux iżjed biex janalizza iżda biex jieħu sehem, u mhux mingħajr rispett għal dak li jiltaqa’ miegħu u għal min jiġi f’kuntatt miegħu.

    Fl-Enċiklika tiegħu, il-Papa Franġisku jistedinna biex nersqu lejn in-natura “miftuħin għall-għeġubijiet u l-meravilji” u biex nitkellmu “il-lingwaġġ tal-fraternità u s-sbuħija fir-relazzjoni tagħna mad-dinja” (Laudato si’, Nru. 11). Dan huwa l-approwċ xieraq li għandna nadottaw rigward il-postijiet u l-popli li nżuru. Din hija t-triq li twassalna biex naħtfu biljun opportunità u nwassluhom biex ikattru l-frott tagħhom.

    3. In-negozji f’dan is-settur għandhom ikunu huma l-ewwel li jimpenjaw irwieħhom biex jinkiseb il-ġid komuni. Ir-responsabbiltà tal-kumpanniji hija kbira, inkluż fil-qasam turistiku, u biex jieħdu vantaġġ mill-biljun opportunitajiet dan iridu jkunu jafuh. L-iskop finali m’għandux ikun il-qligħ aktar milli joffru lill-vjaġġaturi mezzi li jistgħu jużaw biex jiksbu l-esperjenza li jkunu qed ifittxu. L-intrapriżi dan għandhom jagħmluh f’rispett lejn in-nies u l-ambjent. Huwa importanti li wieħed jibqa’ jħares lejn u jara wiċċ dak li jkun. It-turisti ma jistgħux jitqiesu biss bħala statistika jew għajn ta’ dħul. Hemm bżonn jitħaddmu forom ta’ negozju turistiku studjati mal-individwi u għalihom, u li jsir investiment f’individwi u sotenibilità sabiex jiġu offerti opportunitajiet ta’ xogħol f’rispett lejn id-dar komuni tagħna.

    4. Fl-istess ħin, il-gvernijiet iridu jiggarantixxu rispett lejn il-liġijiet u jagħmlu oħrajn ġodda li jħarsu d-dinjità tal-individwi, il-komunitajiet u t-territorji. Huwa essenzjali li jkun hemm atteġġjament riżolut. Anke fl-ambitu turistiku, l-awtoritajiet ċivili tal-pajjiżi differenti għandhom jaħsbu u jħaddmu flimkien strateġija għall-ħolqien ta’ nisġiet soċjoekonomiċi globalizzati favur il-komunitajiet lokali u l-vjaġġaturi sabiex jieħdu vantaġġ pożittiv mill-biljun opportunitajiet offerti mill-interazzjoni.

    5. Fid-dawl ta’ dan, anke l-komunitajiet lokali huma msejħin biex jiftħu l-fruntieri tagħhom ħalli jilqgħu lil dawk li jkunu ġejjin minn pajjiżi oħrajn imħeġġin minn ħerqa li jiltaqgħu ma’ nies u postijiet oħrajn. Din hija okkażjoni ta’ stagħnar reċiproku u tkabbir komuni. L-offerta tal-ospitalità tgħin biex il-potenzjalitajiet ambjentali, soċjali u kulturali jħallu l-frott, iwelldu mpjiegi ġodda, tiġi żviluppata l-identità ta’ dak li jkun, u joħroġ aktar il-valur tat-territorju. Biljun opportunitajiet għall-progress, speċjalment għal pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. It-tkabbir tat-turiżmu, speċjalment fil-forom l-iktar responsabbli tiegħu, jagħmilha possibbli li l-bniedem jimxi lejn il-ġejjieni qawwi mill-ispeċifiċità, storja u kultura tiegħu. Il-ġenerazzjoni tad-dħul u t-tmexxija ’l quddiem tal-wirt speċifiku jista’ jagħti ħajja mill-ġdid lil dak is-sens ta’ orgolju u stima personali li jgħinu biex isaħħu d-dinjità tal-komunitajiet li jospitaw, iżda tkun trid issir ukoll attenzjoni biex it-territorju, it-tradizzjonijiet u l-identità ma jiġux traduti favur it-turisti.[2] Huwa fil-komunitajiet li jista’ jikber “sens akbar ta’ responsabbiltà, sens qawwi ta’ komunità, il-kura ta’ ħaddieħor, spirtu ta’ kreatività u mħabba profonda lejn art dak li jkun. Huma jkunu jagħtu każ xieraq ukoll għal dak li eventwalment ikunu se jħallu għal uliedhom u wlied uliedhom” (Laudato si’, No. 179).

    6. Biljun turist, jekk ikunu milqugħin sewwa, jistgħu jsiru għajn importanti ta’ għajxien tajjeb u żvilupp sostenibbli għall-pjaneta kollha kemm hi. Barra minn hekk, il-globalizzazzjoni tat-turiżmu twassal biex jikber is-sens ċiviku individwali u kollettiv. Bl-adozzjoni ta’ kriterju iżjed korrett biex idur madwar id-dinja, kull vjaġġatur isir parti attiva fil-ħarsien tad-dinja. L-isforz ta’ bniedem wieħed multiplikat b’biljun isir rivoluzzjoni kbira.

    Fil-vjaġġ tfeġġ ukoll xewqa għall-awtenċità li tirrealizza ruħha fl-immedjatezza tar-relazzjonijiet u billi dak li jkun isir midħla tal-komunitajiet li jżur. Qed jikber il-bżonn li l-bniedem jitbiegħed mill-virtwali, li tant għandu ħila joħloq id-distanzi u konoxxenzi mhux personali, u biex tiġi skoperta mill-ġdid il-ġenwinità tal-inkontru ma’ oħrajn. L-ekonomija tal-qsim tista’ ssawwar ukoll nisġa li biha joktru l-umanità u l-fraternità u tista’ tiġġenera wkoll skambju ekwu ta’ oġġetti u servizzi.

    7. It-turiżmu jirrappreżenta wkoll biljun opportunitajiet għall-missjoni tal-Knisja li tevanġelizza. “Mhemm xejn ġenwinament uman li ma jirnexxilux iqanqal eku f’qalbhom” (Konċilju Vatikan II, Gaudium et spes, Nru. 1). L-ewwelnett, huwa importanti għall-Knisja li takkumpanja l-Kattoliċi bi proposti liturġiċi u formattivi. Hija għandha wkoll iddawwal lil dawk li fl-esperjenza tal-ivjaġġar jiftħu qlubhom u jibdew jagħmlu mistoqsijiet lilhom infushom b’mod li hekk jirrealizzaw verament l-ewwel tħabbir tal-Vanġelu. Huwa essenzjali li l-Knisja timxi ’l quddiem u tkun qrib il-vjaġġaturi biex toffri tweġiba tajba u personali għat-tfittxija li huma jkunu qed jagħmlu fihom infushom. Meta tiftaħ qalbha stess għall-oħrajn, il-Knisja tagħmel possibbli inkontru iktar awtentiku ma’ Alla. Għal dan l-iskop, għandha tissaħħaħ l-ospitalità bejn il-komunitajiet parrokkjali u l-formazzjoni reliġjuża tan-nies li joperaw fil-qasam turistiku.

    Huwa wkoll ix-xogħol tal-Knisja li teduka dwar l-għajxien tal-ħin liberu. Il-papa jfakkarna li “l-ispiritwalità Nisranija tħaddan fiha l-valur tar-rilassiment u l-festività. Għandna t-tendenza li nnaqqsu l-mistrieħ kontemplattiv għal ħaġa mhux produttiva u mhux meħtieġa, iżda dan ikun ifisser it-twarrib ta’ dak li huwa l-iktar importanti dwar ix-xogħol: is-sinifikat tiegħu. Aħna għandna s-sejħa li fix-xogħol tagħna ninkludu dimensjoni riċettiva u gratuwita, li hija ħaġa  differenti minn sempliċiment inattività” (Laudato si’, Nru. 237).

    Barra minn hekk, m’għandniex ninsew is-sejħa tal-Papa Franġisku biex niċċelebraw is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena.[3] Għandna nistaqsu lilna nfusna kif il-kura pastorali tat-turiżmu u l-pellegrinaġġ jistgħu jkunu qasam biex “nesperjenza l-imħabba ta’ Alla li jikkonsla, jaħfer, u jnissel it-tama (Misericordiae vultus, Nru. 3). Sinjal partikolari taż-żmien ta’ dan il-ġublew mingħajr dubju se jkun il-pellegrinaġġ (Cf. Misericordiae vultus, Nru. 14).

    Fidila għall-missjoni tagħha u bl-ewwel pass fil-konvinzjoni li “aħna nevanġelizzaw ukoll meta nippruvaw nikkonfrontaw l-isfidi varji li jistgħu jfeġġu”,[4] il-Knisja tikkopera biex it-turiżmu jsir mezz ta’ żviluppa għall-popli, speċjalment dawk l-iktar żvantaġġjati, u biex jibdew iseħħu proġetti sempliċi iżda effettivi. Madankollu, il-Knisja u l-istituzzjonijiet għandhom ikunu dejjem għassa biex ma jħallux li l-biljun opportunitajiet isiru biljun periklu billi jikkoperaw fil-ħarsien tad-dinjità personali, id-drittijiet tal-ħaddiema, l-identità kulturali, ir-rispett lejn l-ambjent, eċċ.

    8. Biljun opportunitajiet ukoll għall-ambjent: “L-univers materjali kollu jitkellem dwar l-imħabba ta’ Alla, l-għożża bla tarf tiegħu għalina. Il-ħamrija, l-ilma, il-muntanji: kollox huwa tmellisa ta’ Alla” (Laudato si’, Nru. 84). Hemm interdipendenza mill-qrib bejn it-turiżmu u l-ambjent. Bil-vantaġġ li jieħu mill-għana naturali u kulturali, is-settur turistiku jista’ jġib ’il quddiem il-konservazzjoni tagħhom jew, paradossalment, il-qerda tagħhom. F’din ir-relazzjoni, l-Enċiklika Laudato si’ tidher bħala kumpann tajjeb għall-vjaġġatur.

    Ħafna drabi aħna nagħmlu tabirruħna li ma narawx il-problema. “Imġiba evażiva bħal din nużawha  biex inkomplu mexjin bl-istili ta’ ħajja u mudelli ta’ produzzjoni u konsum li jkollna” (Laudato si’, Nru. 59). Billi naġixxu mhux bħala sidien iżda bħala “amministraturi rsponsabbli” (Laudato si’, Nru. 116), kull wieħed u waħda minna għandna r-responsabbiltajiet tagħna li rridu nikkonkretizzawhom b’azzjonijiet preċiżi li jvarjaw minn leġiżlazzjoni speċifika u koordinata sa azzjonijiet semplici fil-ħajja ta’ kuljum,[5] permezz ta’ programmi edukattivi xierqa u proġetti turistiċi sostenibbli u rispettużi. Kollox għandu l-importanza tiegħu,[6] iżda l-bidla fl-istili u l-attitudnijiet tal-ħajja hija ħaġa meħtieġa u ċertament iktar importanti. “L-ispiritwalità Nisranija tipproponi tkabbir immarkat bil-moderazzjoni u l-kapaċità li nikkuntentaw irwieħna bil-ftit” (Laudato si’, Nru. 222).

    9. Is-settur turistiku jista’ jkun opportunità, tabilħaqq biljun opportunitajiet biex jinbnew ukoll toroq għall-paċi. L-inkontru, il-bdil u l-qsim jgħinu l-armonija u l-ftehim.

    Hemm biljun okkażjoni biex vjaġġ jinbidel f’esperjenza eżistenzjali. Biljun possibiltajiet biex insiru l-bennejja ta’ dinja aħjar, konxji tal-għana li jkun hemm fil-bagalja ta’ kull vjaġġatur. Biljun turist, biljun opportunità biex insiru “strumenti ta’ Alla Missierna, sabiex il-pjaneta tkun tista’ tkun dak li huwa ried meta ħalaqha u skont il-pjan tiegħu għall-paċi, is-sbuħija u  s-sħuħija.” (Laudato si’, Nru. 53).

    Belt tal-Vatikan, 24 ta’ Ġunju, 2015

                                 

                                       Kardinal Antonio Maria Vegliò                                            

    President         

                                                                                       ✝ Joseph Kalathiparambil

                                                                                                                                     Segretarju

     


    [1] FRANĠISKU, Ittra Enċiklika Laudato si’ dwar il-kura tad-dar komuni tagħna, 24 ta’ Mejju, 2015.
    [2] Biex dan ma jitħalliex iseħħ, “l-attività turistika għandha tkun ippjanata b’tali mod li tħalli ħajjin u jiffjorixxu prodotti kulturali tradizzjonali, snajja’ u folklor, aktar milli twassalhom biex jiddeġeneraw u jiġu standardizzati  (Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, Kodiċi Globali ta’ Etika għat-Turiżmu, l-1 ta’ Ottubru,  1999, art. 4, §4).
    [3] FRANĠISKU, Bolla Misericordiae vultus għat-tnedija tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, 11 ta’ April, 2015.
    [4] FRANĠISKU, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 24 ta’ Novembru, 2013, Nru. 61.
    [5]Huwa nobbli l-għarfien tad-dover li nieħdu ħsieb il-ħolqien b’azzjonijiet żgħar ta’ kuljum, u hija ħaġa tal-għaġeb kif l-edukazzjoni tista’ ġġib tibdil reali fl-istili tal-ħajja. L-edukazzjoni dwar ir-responsabbiltajiet ambjentali tista’ tinkuraġġixxi modi ta’ mġiba li jaffettwaw id-dinja ta’ madwarna b’mod dirett u sinifikanti, bħal billi nevitaw l-użu tal-plastik u l-karti, innaqqsu l-konsum tal-ilma, nisseparaw l-iskart, insajru biss dak li reġunevolment jista’ jiġu kkunsmat, nuru għożża għall-ħolqien ħaj ta’ madwarna, nużaw it-trasport pubbliku jew inrikkbu lil xulxin fil-vetturi, nitfu d-dwal li mhumiex bżonnjużi, u kwalunkwe numru ieħor ta’ prattiċi bħal dawn. Dawn kollha jirriflettu kreattività ġeneruża u siewja li toħroġ l-aħjar li hemm fil-bnedmin. Li nużaw oġġett mill-ġdid minflok narmuh minnufih, f’dawk il-każi fejn dan isir għal raġunijiet tajbin, jista’ jkun att ta’ mħabba li jesprimi d-dinjità tagħna nfusna” (Laudato si’, Nru. 211).
    [6]Aħna m’għandniex naħsbu li dawn l-isforzi mhumiex se jibdlu d-dinja. Azzjonijiet bħal dawn inisslu ġid fis-soċjetà u spiss jġibu frott ferm aktar milli aħna nkunu nistgħu nkejlu, għaliex  f’ħoġor din l-art huma jkabbru ġid li, għalkemm spiss ma jkunx jidher, għandu t-tendenza li jixtered” (Laudato si’, Nru. 212).