Sa mill-bidu nett tal-imxija tal-Covid-19 (Coronavirus), il-President George Vella kien qiegħed iżomm ruħu aġġornat dwar dak li kien għaddej u dwar l-informazzjoni medika u epidemijoloġika marbuta ma’ din il-marda.

Issa, li kif kien jidher probabbli minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħna, u l-kuntatti internazzjonali ta’ pajjiżna, żviluppaw każi ta’ Covid-19 li ġew impurtati minn barra pajjiżna, il-President Vella jixtieq jesprimi l-ewwel u qabel kollox id-dispjaċir tiegħu għal dawk li ħadu l-infezzjoni u jawguralhom fejqan ta’ malajr.

Il-President irid ukoll jieħu l-okkażjoni biex juri l-apprezzament tiegħu, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, lin-numru kbir ta’ professjonisti u nies tekniċi li qegħdin jerfgħu r-responsabbiltà li jippreparaw lil pajjiżna għal din l-imxija, jgħallmu lin-nies x’miżuri għandhom jieħdu, jindunaw kmieni kemm jista’ jkun b’min jimrad, u jagħtu dik l-attenzjoni, u kura meħtieġa kollha lil min jintlaqat minn din il-marda.

Huwa jappella lil kulħadd biex filwaqt li ma noħolqux paniku, għandna nevitaw u nbiegħdu kemm jista’ jkun kull okkażjoni li biha jista’ jixxerred il-virus.

Il-President Vella iħeġġeġ lil kulħadd jimxi mad-direttivi u l-pariri li qegħdin jingħataw il-ħin kollu mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-President jixtieq ukoll li l-poplu jifhem li l-faċilitajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna mhuma xejn anqas minn dawk fl-aqwa pajjiżi fl-Ewropa. Dan qiegħed jingħad biex dak li jkun jagħmel kuraġġ u jifhem li anke fost dawk li jieħdu l-virus, taħt ċirkostanzi normali, ir-rata ta’ dawk li jfiequ hija għolja ħafna.

Il-President jappella biex id-direttivi dwar l-iġjene personali, safar mhux permess, u r-regolamenti biex jiġu evitati t-tlaqqigħ ta’ numru kbir ta’ nies flimkien jiġu mħarsa b’reqqa.

L-Uffiċċju tal-President javża li fuq talbiet tal-partijiet konċernati, numru ta’ laqgħat li kellhom isiru mal-President tħassru mid-djarju tal-President u ġew posposti għal data oħra.

Il-President ma jistax ma jesprimix ukoll solidarjetà mas-settur kummerċjali ta’ pajjiżna, u setturi oħra, li qegħdin ikun affetwati b’mod negattiv minħabba l-impatt li dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna, u fil-pajjiżi ta’ madwarna, qiegħed ikollu fuq l-ekonomija ta’ Malta.

Fl-aħħar nett, il-President, filwaqt li mill-ġdid jawgura fejqan ta’ malajr lil dawk milquta, jispera li s-sitwazzjoni tkompli tinżamm taħt kontroll, u tħalli ħsara mill-anqas possibli fis-soċjetà Maltija u Għawdxija.