• Palazz tal-President, l-Belt Valletta

    6 ta’ Marzu 2015

    Onor. Speaker,

    L-ewwelnett nirringrazzjak ħafna ta’ din il-laqgħa kordjali, u nsellem permezz tiegħek ukoll lill-membri kollha tal-Parlament. Illum mhux qed niltaqgħu biss bhala kollegi fil-formazzjoni tal-Korp tal-pulizija iktar minn għoxrin sena ilu, iżda anke bħala Arċisqof ta’ din id-Djoċesi daqshekk għażiża – komunità ta’ fidi li fil-pajjiż għandha għeruq profondi u għandha wkoll patrimonju ta’ kultura, mhux biss ta’ arti u letteratura u tant affarijiet oħra li jispiraw l-arti imma wkoll il-qalb Maltija. Konxju mir-responsabbiltà li jiena nirrapreżenta komunità ta’ fidi mportanti f’dan il-pajjiż, insellem ukoll lill-Membri Parlamentari, li fil-maġġoranza tagħhom iħaddnu l-fidi Kattolika, imma li fl-istess ħin iridu jilleġiżlaw għal soċjetà pluralista, allura jridu jħarsu lejn il-Kosituzzjoni tar-Repubblika bħala il-garanti tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, tad-dinjità ta’ kull ċittadin.

    Jiena nixtieq insellem lill-Parlament kollu fil-persuna tiegħek Sur Speaker, bħala President tal-Kamra, u fl-istess ħin nawgura li kull sforz tal-leġiżlaturi tagħna li huma eletti mill-poplu ikun dejjem, u jiena persważ li hemm dan l-isforz, għall-ġid komuni. Ippermettili nfakkar biss fit-teorija ta’ San Tumas t’Akwinu li jgħid li l-liġi hija biss ġudizzju skont ir-raġuni magħmul minn min għandu l-awtorità, għall-ġid komuni. U allura jiena nawgura u nitlob, għax persważ li dan huwa ta’ ġid għall-kulħadd, li l-liġijiet ta’ Malta jkunu espressjoni ta’ ġudizzju raġonevoli magħmul skont il-ġid tal-pajjiż, skont ir-Repubblika u minn min għandu l-poter.

    Nawgura wkoll għall-ħidma tagħkom, għal din il-migrazzjoni għall-binja l-ġdida li l-poplu qed jistenna, li huwa wkoll bidu ġdid. Nifhem li l-Episkopat tiegħi se jibda meta l-Parlament se jkollu dar ġdida. Nawguralkom. Grazzi ħafna.

     Charles Jude Scicluna

        Isqof titulari ta’ San Leone

        Arċisqof-elett ta’ Malta