• Messaġġ tal-Arċisqof fil-Festa ta’ Santa Marija f’Jum is-saċerdoti u r-Reliġjużi

  • Festa ta’ S. Marija, Ħ’Attard

    4 ta’ Awwissu 2013

    Ħuti, it-tlett lezzjonijiet tal-lum ifakkruna fil-ħajja ta’ dejjem; li għalina hemm realtà oħra li rridu naslu fiha wara din id-dinja. U kellna tagħlima oħra wkoll: ma tistax int tkun tixtieq il-ħajja ta’ dejjem imbagħad l-attenzjoni tiegħek tqiegħdha biss fuq l-affarijiet materjali. Il-mixja għall-ħajja ta’ dejjem hija mixja li wieħed irid jagħmel fid-dawl tar-realtà kristjana tiegħu. 

    U dan ifakkarna f’dik li telgħet is-sema bla ma kien hemm bżonn jintemm il-ġisem tagħha. Mill-bidunett tal-Knisja, ħafna mill-għorrief tal-Knisja kienu jgħidu: “Ma jistax ikun li Marija rat il-mewt” jew inkella kif kienu jgħidu huma, “meta l-Madonna raqdet, id-dormitio tal-Madonna”. Imma kien biss fis-seklu l-iehor (1950) li l-Knisja għamlet it-tlugħ fis-sema ta’ Marija bħala domma. U dan jgħaqad ħafna mal-Kunċizzjoni għaliex, aħna bħala bnedmin insara, nemmnu li l-ġisem tagħna li fih hemm iż-żerriegħa tad-dnub,  l-ewwel isir trab biex imbagħad meta nidħlu fil-ġenna, jingħaqad ma’ dan il-ġisem tagħna u nsiru ħaġa waħda.

    Fil-każ tal-Madonna, li ma kellhiex ħtija lanqas id-dnub tan-nisel, ma kienx hemm bżonn li hija tgħaddi minn ħajja ta’ hawnhekk, mill-perijodu li l-ġisem tagħha jsir xejn, għax ma kellhiex dnub! Ma kellhiex bżonn li l-ġisem tagħha jsir xejn biex imbagħad tgħaddi għal għand Binha għal ħajja ta’ dejjem. Dan hu l-misteru u l-miraklu li aħna qegħdin niċċelebraw f’din il-festa, b’dan il-mod uniku u bir-raġun għaliex Sidna Ġesù Kristu lesta lil ommu biex hi tkun tista’ tkun miegħu fl-eternità.  

    Imma meta ngħidu aħna t-tlugħ fis-sema ta’ Marija jista jkollna t-tentazzjoni li naraw il-glorja tagħha u ninsew x’għamlet hi fil-ħajja taghha. Il-fatt li hi telgħet fis-sema fissret ukoll li hi għexet dak li ried il-Mulej minnha.

    U jien illum xtaqt infakkarkom: il-Madonna, biex ngħidu hekk, għamlet l-aħħar pellegrinaġġ tagħha meta hi jew mietet jew raqdet, mhux importanti, u marret għand Alla l-Missier mingħajr ma rat it-taħsir tal-qabar. Dak kien l-aħħar pellegrinaġġ li għamlet Sidtna Marija. Imma meta tħares lejn l-Vanġelu tinduna kemm Sidtna Marija f’ħajjitha għamlet pellegrinaġġi, u dawn il-pellegrinaġġi kollha kienu jispiċċaw b’xi messaġġ ġdid għal Sidtna Marija.

    Ejjew naraw xi fit minn dawn il-pellegrinaġġi jiġifieri meta l-Madonna kellha tmur f’xi post ieħor. L-ewwel pellegrinaġġ li kellha kien meta Sidtna Marija marret għand Eliżabetta. Kien l-anġlu  li qalilha: mur hemmhekk ħalli jkollok prova ta’ dak li għidtlek jien. U l-Madonna tagħmel l-ewwel pellegrinaġġ: tmur għand Eliżabetta u hemmhekk, għand Eliżabetta, issib il-konferma ta’ dak li qalilha l-anġlu Gabrijel għaliex mal-ewwel Eliżabetta tgħidilha: “Imma minn fejn ġej dan li omm Sidi tiġi għandi?” (Lk 1, 43). Mela fl-ewwel pellegrinaġġ li għamlet il-Madonna semgħet il-kliem ta’ Eliżabetta li kkonfermawla dak  il-kliem li hi semgħat minn għand l-anġlu Gabrijel.

    Għadda ftit taż-żmien u minħabba ċ-ċensiment li kien qed isir dak iż-żmien, Sidtna Marija u Ġużeppi kellhom imorru Betleħem u hemmhekk twieldet it-tarbija Ġesù. Hemmhekk ħasset f’idejha dak li kien qalilha l-anġlu: li issa tarbija se titwieled minnek u din tkun għal kulħadd, għal bnedimin kollha. It-tieni pellegrinaġġ wassalha biex hi għall-ewwel darba tisma’ l-leħen ta’ binha Ġesù, fl-ewwel bikja tiegħu! Min jaf il-quddiem kemm kienet tieħu gost toqgħod tisimgħu jipprietka, hu li kien għamel tletin sena magħha. Din l-idea mhijiex qiegħda miktuba, li f’dawk it-tletin sena Ġesù qal lill-Madonna dak kollu li hu qal fit-tlett snin tal-appostolat tiegħu, imma hekk għandi l-ideja jiena: li l-Madonna kienet taf minn qabel dak kollu li hu pprietka lill-appostli tiegħu.

    It-tielet pellegrinaġġ, għax kienet drawwa ta’ dak iż-żmien, kien li hija kellha tieħu l-ewwel tarbija tagħha lejn it-tempju t’ Ġerusalemm u hemmhekk ukoll semgħet kelma ġdida: semgħet lil Xmuni jgħidilha li “sejf għad jinfidlek qalbek” (Lk2, 35). U hawn il-Madonna terġa’ tieħu dawl ieħor fuq il-missjoni tagħha. Ara taħseb, Marija, li se jkun faċli! Biex tmur għand il-Mulej qatt m’hu faċli, kif naħsbu aħna. Trid impenn! Trid impenn! Għalekk Sidtna Marija meta semgħet dan il-kliem: “U żammet dan kollu ġewwa qalbha”, kif hemm miktub fil-Vanġelu. Tgħallmet xi ħaġa oħra: li mal-ferħ li weldet lil Mulej Ġesù, kien hemm maqgħuda ukoll it-tbatija li hi kellha tgħaddi ,immha minħabba binha u ma’ binha.

    Nibqgħu mexjin bil-pellegrinaġġi ta’ Sidtna Marija u naraw meta Ġesù kellu tnax il-sena. Marija reġgħet marret it-tempju, pellegrinaġġ li kienu jagħmlu s-soltu, tilfu littifel Ġesù, u meta sabuh,  l-ewwel lumet lil binha u qaltlu: “Għaliex għamiltilna hekk?” U binha Ġesù jgħidilha dak il-kliem, messaġġ ieħor. “ma tafx li jiena ġejt biex nagħmel ir-rieda ta’ Missieri?” (Lk 2, 49). Jiġifieri, qiesu qed jgħidilha, li se jiġi mument, meta jien ikolli nħallik. U allura l-Madonna fehmet li għad jiġi żmien meta Ġesù kellu jagħmel ir-rieda ta’ Missieru u kif għidna fil-leżżjonijiet tal-lum dawn kienu jimplikaw li Sidtna Marija tagħmel l-offerta ta’ binha meta hu, li kellu tletin sena, mar igħid lil ommu li hu se jitlaq ħalli jibda l-missjoni tiegħu.

    Il-ħames pellegrinaġġ kien lejn Ġerusalemm ukoll imma din id-darba huwa differenti għaliex il-Madonna ma nafux kif, imma kienet taf li binha se jiġi mislub fuq is-salib; ma nafux kif imma hemm kienet ħdejn is-salib u tisma’ dak il-kliem ta’ binha:  “Mara, dan huwa Ibnek”, għal S. Ġwann l-Evanġelista, u tisimgħu jkellem lil S Ġwann l-Evanġelista u jgħidlu: “Din hija ommok, ħudli ħsiebha, għaliex din hi ommok” (Ġw 19,26-27).  U tahielu bħala l-omm tiegħu. U propju hawnhekk ħadet il-missjoni universali tagħha. Jekk Sidtna Marija kienet ħdejn is-salib li huwa s-salvazzjoni universali tal-bnedmin kollha f’kull żmien, il-Madonna li kienet l-iktar qrib tiegħu saret ukoll parti waħda miegħu f’din is-salvazzjoni li għandna lkoll nistennew.

    L-aħħar pellegrinaġġ ta’ Marija, qabel dak li qed niċċelebrawillum, kien twil, meta Sidna Ġesù Kristu qalilha biex tmur ma’ S. Ġwann. Nafu li S. Ġwann ma baqax Ġerusalemm imma mar jipprietka l-kelma f’postijiet oħrajn.  U l-Madonna f’pellegrinaġġ ma’ S. Ġwann kienet tirrakontalhom dak li kienet taf fuq Sidna Ġesù Kristu. Immaġinawha hi qiegħda fin-nofs, id-dixxipli madwarha u hi tirrakontalhom dwar dawk it-tletin sena li hija kienet ma’  binha Ġesù. U dan kien l-aħħar pellegrinaġġ tagħha f’din id-dinja. Hija kienet mal-Knisja li kienet qed twettaq il-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu: “Morru fid-dinja kollha u xandru l-bxara t-tajba” (ara Mt 28, 28).

    Kienet biss wara li semgħet u għexet dawn il-pellegrinaġġi li Marija verament setgħet tkun ma’ Sidna Ġesù Kristu għal dejjem. Fil-fatt l-pellegrinaġġ tagħha minn din id-dinja, ma nafux eżatt fejn kien, forsi kien f’Patmos, kien dak li aħna lkoll irridu nagħmlu li, wara dawk il-pellegrinaġġi kollha,  wara li aħna nwettqu dan kollu, aħna nafu li Sidtna Marija tkun qed titenniena fil-ġenna flimkien ma’ Binha Ġesù biex anke aħna nistgħu ingawduh fl-eternità.

    + Pawlu Cremona O.P.

    Arċisqof ta’ Malta