• Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza

  • Konkatidral ta’ San Ġwann

    21 ta’ Settembru 2013

    Ħuti,

    Minn meta pajjiżna kiseb l-Indipendenza u l-avvenimenti politiċi li ġraw wara – it-13 ta’ Diċembru u l-31 ta’ Marzu – Malta mhux biss saret ħielsa, iżda żdiedu u kibru r-responsabbiltajiet fit-tmexxija tal-pajjiż. Fil-fatt illum kibret il-parteċipazzjoni politika u jsiru ħafna diskussjonijiet fuq l-ekonomija, l-edukazzjoni, ix-xogħol, is-saħħa, u affarijiet li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan kollu ħalla ħafna frott fl-iżvilupp ta’ pajjiżna.

    Illum xtaqt nagħmel riflessjoni fuq aspett ieħor tar-responsabbiltà tagħna l-Maltin: fuq il-fibra morali tagħna. Nistaqsi: Marret ’il quddiem jew marret lura? Kemm qiegħda ssir ħidma biex tikber il-fibra morali, il-valuri soċjali f’pajjiżna: il-ġustizzja, l-onestà, is-solidarjetà? Kemm qegħdin nagħmlu sforz biex inkabbruha? Meta l-fibra morali tiġi nieqsa jew tiddgħajjef, is-soċjetà ġġarrab ħafna telf, inkluż it-telf finanzjarju! Li jiġri hu, li mingħajr kuxjenza morali tinfetaħ it-triq għal ħafna serq, frodi, qerq, evażjoni ta’ taxxi u inġustizzji. Dan kollu għad-dannu tal-poplu tagħna.

    Jiena xtaqt li llum nagħmel proposta. Min jaf entità tal-Istat, bħal segretarjat parlamentari f’wieħed mill-ministeri, li l-ħidma tiegħu tkun li jgħallem u jgħolli din il-fibra morali? Din il-ħidma tista’ tkun parti mis-sistema edukattiva, kif fil-fatt isir. Iżda din tkun qed tilħaq l-istudenti biss. Hemm bżonn li nilħqu wkoll l-adulti u s-soċjetà inġenerali. Jista’ jitħejja pjan soċjali li jolqot lil kulħadd, kbar u żgħar. Nistgħu nużaw ukoll il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

    Il-Knisja, min-naħa tagħha, dejjem ħadmet biex issaħħaħ il-fibra morali f’pajjiżna, iżda ma nistgħux inħalluha weħidha.  Ladarba l-fibra morali għandha dimensjoni soċjali, għall-ġid jew għad-dannu tas-soċjeta, is-soċjetà stess trid terfa’ din ir-responsabbiltà u tieħu kull inizjattiva meħtieġa.

    Dawk li jixtiequ jkunu ispirati verament mill-Vanġelu, iridu jibdew mill-Imħabba ta’ Alla,  kif qrajna fil-Vanġelu tal-lum: “Kif ħabni missieri, hekk ħabbejtkom jien. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi”. L-imħabba t’Alla u tal-oħrajn huma s-sisien li fuqhom tinbena l-fibra morali, u l-qawwa spiritwali biex titwettaq u tissaħħaħ.

    L-imħabba skont Sidna Ġesù Kristu tibda minn don ta’ Alla. Dawk li jemmnu jridu dejjem jibqgħu jitolbu lil Alla l-Missier biex jagħtihom l-imħabba tiegħu. In-Nisrani ma jistax jagħżel hu kif għandu jħobb: irid iħobb kif iħobbna Alla stess. Fil-Vanġeli nsibu diversi episodji ta’ din il-kwalità ta’ mħabba. Ġesù ħabb lill-midinbin u ħafrilhom; Ġesù ħabb ukoll lil dawk li mhux Lhud (iċ-Ċenturjun li fejjaqlu lill-qaddej tiegħu), lil dawk ta’ madwaru li sejħilhom “ħbieb”.

    In-Nisrani jrid japplika dan kollu fl-imħabba tiegħu, inkella ma jkunx verament dixxiplu ta’ Ġesù, ma jkunx qed jimxi fuq il-passi tiegħu. In-Nisrani li jgħix il-Vanġelu jibni l-fibra morali fis-soċjetà li jgħix fiha.

    Din is-sena, il-Papa Franġisku spjegalna kif irridu ngħixu dan il-Vanġelu. Jiena nixtieq insemmi żewġ episodji tal-Papa Franġisku, li jistgħu iservuna bħala ispirazzjoni, lilna lkoll u lid-dinja kollha, kif ngħixu l-imħabba li għallimna Ġesù. Nhar is-Sibt 7 ta’ Settembru, il-Papa nieda jum ta’ sawm u għamel velja ta’ talb. Huwa stieden lill-Insara kollha madwar id-dinja biex jieħdu sehem fil-Velja. Din il-Velja ma kenitx maħsuba li titlob għall-Knisja Nisranija biss, iżda kienet maħsuba bħala talb għall-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, fosthom s-Sirja, biex ikollhom is-sliem. Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara kollha biex jitolbu għall-“aħwa Musulmani” li jgħixu f’dawk il-pajjiżi. Ma nafx intom x’ħassejtu, imma jiena ħassejt ferħ kbir. Issa verament qegħdin ngħixu l-Vanġelu fir-radikalità tiegħu! Min jaf, forsi tajna eżempju anki lil dawk li ma jemmnux dwar x’inhu verament il-Vanġelu.

    Min jaf dan jgħinniex lilna lkoll biex inkabbru l-imħabba tagħna lejn il-bnedmin kollha? Jalla fit-talb tagħna, aħna f’Malta, nibdew nitolbu wkoll għal dawk li qegħdin ifittxu l-ażil, inkluż f’pajjiżna stess. Hekk inkunu qegħdin nifirxu l-imħabba tagħna fuq kulħadd kif uriena l-Papa. Ippermettuli ngħid li nħoss li hawnhekk hemm lok ta’ impenn akbar fil-fibra morali tagħna.

    It-tieni tagħlima huwa l-eżempju li l-Papa Franġisku  qiegħed jagħtina fuq il-foqra, b’mod speċjali għall-Knisja kollha u għalina l-Insara. Ħsieb li xtaqt  naqsam magħkom hu li l-Insara ta’ żmienna u dawk ta’ qabilna ħasbu biex jagħtu ġieħ lil Alla, kif jagħmlu r-reliġjonijiet kollha, billi jibnulu palazzi, u knejjes kbar. Jiena ma rridx nagħmel ġudizzju fuq l-intenzjoni tagħhom – li kienet li jagħtu l-ikbar ġieħ lil Alla.  Iżda forsi konna nsejna xi ħaġa li llum il-Papa Franġisku providenzjalment qiegħed ifakkarna fiha, li bejna u bejn Alla hemm Ġesù l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Aħna lil Alla mhux nimmaġinawh, iżda nagħrfuh f’Sidna Ġesù Kristu. Hu kien jagħti ġieħ lill-Missier fil-foqra, fl-abbandunati, fil-morda. Lil Alla ma nistgħux nagħtuh qima differenti minn dik li tah Ġesù stess. Il-foqra, l-abbandunati, il-morda huma kollha okkażjoni għalina biex nagħtu qima lil Alla. Jekk nibdew inħarsu minn din il-lenti lejn dawn ħutna, inkunu wasalna biex ngħixu aktar il-Beatitudnijiet, li jgħidulna li dawn l-okkażjonijiet iwassluna lejn is-Saltna ta’ Alla.

    Dan il-kliem tal-Papa għandu jqanqal ħafna iktar minna biex l-għajnuna lill-fqar u lill-batuti inħossuha parti importanti tal-fidi tagħna.  

    Għan-Nisrani, dak li huwa soċjali jidħol fil-ħajja morali tiegħu għaliex bih ikun qed jagħti glorja lil Alla. Lil Alla nagħtuh ġieħ f’dak li hu għażiż għalih, jiġifieri l-bniedem, u kull bniedem, irrispettivament mill-qagħda soċjali, razza u reliġjon. Jiena ċert li jekk nibnu aktar dawn il-virtujiet fil-ħajja soċjali tagħna, ikollna soċjetà ħafna aħjar; kull bniedem ikun il-pont tat-tluq li fuqu tinbena s-soċjetà tagħna.

    +  PAWLU CREMONA O.P.

        Arċisqof ta’ Malta

  • Photo: DOI/Clifton Fenech