Enemalta Power Station, Marsa

26 ta’ April 2012

Qegħdin miġburin hawnhekk fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem. Għalina li nemmnu, kull jum, minbarra li nħarsu lejh mil-lenti tagħna l-bnedmin, nippruvaw inħarsu lejh ukoll mil-lenti tal-fidi tagħna. Għalhekk waqt li aħna niċċelebraw Jum il-Ħaddiem u niftakru fil-bżonn u fid-dinjita’ tax-xogħol, inġibu fil-ħsieb tagħna, il-qaddis prottettur tal-ħaddiema, San Ġużepp Ħaddiem. Fl-Evanġelju kull ma nsibu fuqu huwa li kien bniedem ġust quddiem Alla u li kien mastrudaxxa. Mela San Ġużepp jurina li huwa possibbli li bix-xogħol nogħġbu ħafna lil Alla.

Ħafna drabi meta nisimgħu diskussjonijiet u kummenti fuq ix-xogħol, nisimgħu fuq l-importanza tal-produttivita’, l-ekonomija u l-qliegħ. Nifhmu li dawn kollha huma mportanti u li mingħajrhom ma jistax jibqa’ jkollna ekonomija tajba u postijiet tax-xogħol fis-sod. Imma meta nitkellmu fuq ix-xogħol mil-lenti nisranija, it-tagħlim tal-Knisja l-aktar li jagħti mportanza huwa d-dinjita’ tal-ħaddiem bħala bniedem. Il-Beatu Ġwanni Pawlu II meta jitkellem  fuq ix-xogħol (Laborem Exercens par. 6) jgħidilna: “Ix-xogħol tal-bniedem għandu valur etiku fih innifsu, li huwa marbut b’mod ċar mal-fatt li huwa l-bniedem li jagħmel dan ix-xogħol”.

Għal min ma jagħrafx din il-verita’ jew jagħżel li ma jagħtihiex importanza, ix-xogħol jitlef it-tifsira vera tiegħu. Li jiġri huwa li x-xogħol fih innifsu, it-teknoloġija u l-qliegħ isiru aktar importanti mill-bniedem li jħaddimhom u b’hekk ma jibqgħux mezzi għas-servizz tal-bniedem, imma jsiru għedewwa tad-dinjita’ tal-bniedem. Dan jista’ jġibu b’idejh il-ħaddiem stess. Imma barra minn hekk, sfortunatament, għadna nisimgħu b’każi ta’ kundizzjonijiet u manuvri li jduru madwar il-liġijiet industrijali biex ma jagħtux lill-ħaddiem ir-rispett u d-dinjita’ tiegħu. Għall-grazzja ta’ Alla, ma jidhrilniex li f’pajjiżna dawn il-każi huma ir-regola, imma xorta jibqalna d-dmir li nfittxuhom u nirranġawhom għaliex min qiegħed fihom ikun qed ibati u ħafna drabi fis-skiet.

Id-dinjita’ tal-ħaddiem trid tkun mifruxa aktar mill-post tax-xogħol. Fost l-ewwel u l-aqwa aspett għall-ħaddiem hija l-familja. Fost ir-raġunijiet ewlenin għaliex il-bniedem jaħdem huwa biex igħajjex il-familja u jżommilha livell ta’ għixin tajjeb. Dan il-livell ta’ għixin ma jiġix biss mill-flus li jaqla’. Għalhekk id-dinjita’ tal-ħaddiem tfisser ukoll li jkollu l-ħin tajjeb u l-opportunita’ meħtieġa li jkun preżenti mal-membri tal-familja u jgawdihom. Dawn il-kundizzjonijiet ma jtellfux la l-produttivita’ u l-anqas il-qliegħ tal-kumpanija. Anzi, ħaddiem kuntent u b’anqas problemi f’ħajtu huwa kapaċi jagħti sehmu aktar u joħloq ambjent pożittiv madwaru fil-post tax-xogħol.

L-istatistika dwar pajjiżna turi li l-persuni bla xogħol huma anqas minn ħafna pajjiżi oħra. Dan huwa aspett pożittiv ħafna. Imma dan jista’ joħloq żvantaġġi. Nistgħu ninsew li għad-dinjita’ ta’ kull persuna bla xogħol u għall-familja, il-problema hija kbira ħafna. Għax mhix problema nazzjonali kbira, nistgħu ninsew l-impenn lejn id-dritt li għandu kull persuna għax-xogħol. Nistgħu ninsew, li hemm persuni li ġenwinament huma mwaħħlin fil-kategorija ta’ persuni li diffiċli jsibu xogħol dinjituż: bħal dawk li laħqu ċerta eta’; dawk b’diżabilita’; dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni akkademika u oħrajn.

Minn soċjeta’ ġusta; minn relazzjonijiet industrijali tajbin; minn kundizzjonijiet tajbin; minn liġijiet li jħarsu d-dinjita’ tal-persuna; minn ambjent xieraq igawdi l-ħaddiem, igawdi min iħaddem, igawdu l-familji, tgawdi l-industrija, tgawdi s-soċjeta’. Dan huwa l-awgurju tiegħi lilkom kollha li intom fil-qasam tax-xogħol f’din il-Festa.

Nagħlaq billi nagħti l-awguri tiegħi speċjali lill-Bord u lill-ħaddiema kollha tal-lum u tal-imgħoddi tal-EneMalta li laqgħuna hawnhekk fl-okkażjoni tal-35 sena mit-twaqqif tal-kumpanija.

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta