• Quddiesa ta’ ringrazzjament għall-anniversarji taż-żwieġ u presentazzjoni ta’ trabi matul il-ġimgħa tal-Festa

    Parroċċa tal-Imsida
    14 ta’ Lulju 2014

    F’din iċ-ċelebrazzjoni, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp, niftakru fil-familja ta’ Nazaret: Ġużeppi, Marija u Ġesu. U għax illum qegħdin niċċelebraw l-anniversarji taż-żwieġ tagħkom, nixtieq li tiftakru li biex timxu fuq il-passi ta’ din il-Familja Mqaddsa. Ħa naraw ftit x’kienet l-istorja taż-żwieġ ta’ Ġużeppi u Marija.

    L-ewwel li ngħidu huwa li t-tnejn kellhom modi differenti kif aċċettaw li jiffurmaw familja. Għal Marija kien l-anġlu Gabrijel li dehrilha u ħabbrilha li se jkollha iben u  hi qaltlu: “ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1, 38).. Għaliha ż-żwieġ li daħlet għalih kien mezz ta’ qadi lil Alla l-Imbierek, ovvjament f’Ġesu. U lil Ġużeppi kien hemm sejha differenti għaliex Ġużeppi kien se jibgħat bil-moħbi lil għarusa tiegħu, lil Sidtna Marija, imma mbagħad dehrlu l-anġlu u qallu dal- kliem: “Ġużeppi, ħu għandek lil Marija għaliex dak li qiegħed ġo fiha ġie mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1, 19-20). 

    L-ewwel riflessjoni li nagħmlu hija fuq dawn iż-żewġ modi kif wieħed jersaq lejn Alla fiż-żwieġ. L-ewwelnett iż-żwieġ huwa qadi. Intom ilkoll il-miżżewġin ħassejtu s-sejħa t’Alla li qed jgħidilkom biex tiżżewġu u tiffurmaw familja. Illum qegħdin hawnhekk biex tirringrazzjaw lill-Mulej talli fis-snin ta’ qabel huwa poġġa ġo fikom din il-missjoni kbira. U maqgħuda magħha, fil-mument taż-żwieġ tagħkom, intom tajtu lilkom infuskom lil xulxin. Bħalma Marija kienet don lil San Ġużepp hekk ukoll il-koppja miżżewġa nisranija taf li hi qed tkun għotja, don ta’ Alla l-Imbierek lil xulxin. U allura  din hija l-ewwel riflessjoni: nirringrazzjaw lill-Mulej talli, skont is-snin li ilkom flimkien, il-Mulej laqqagħkom ma’ xulxin u takom din il-missjoni li intom trabbu familja f’ismu.

    It-tieni riflessjoni li aħna nagħmlu hija fuq it-tfajjel Ġesu. Wara li Marija u Ġużeppi żżewġu kellhom din it-tarbija Ġesu u saru familja. Din il-familja li Sidna Ġesu Kristu kien parti minnha, f’nofsha kien hemm il-preżenza ta’ Alla l-Imbierek. Tafu li l-missjoni ta’ Ġużeppi u ta’ Marija kienet propju biex huma jieħdu ħsieb lil dan it-tfajjel Ġesu. Immaġinaw lil Marija u lil Ġużeppi x’kuntentezza kellhom ġo fihom għaliex il-Mulej tahom din it-tarbija biex huma jieħdu ħsiebha.

    Meta l-Madonna u Ġużeppi marru ft-tempju Xmuni qal lill-Madonna li sejf għad jinfidilha qalbha (Lk 2, 35). Imma l-Madonna xorta aċċettat dik it-tarbija, aċċettat li ma’ dik it-tarbija tgħaddi wkoll mit-tbatija. U min jaf intom ukoll biex rabbejtu t-tfal tagħkom kemm kontu taċċettaw dak kollu li jiġri fit-trobbija tagħhom, ħalli trabbuhom skont dak li jrid Alla l-Imbierek. Din hija missjoni oħra li l-Mulej iħalli t-trabi jiġu f’idejn familja biex huma jkunu mdawrin mill-imħabba ta’ dik il-koppja.

    It-tielet riflessjoni li xtaqt li nagħmel hija li din il-familja ta’ Nazaret kienet imbierka wkoll għaliex ġo nofhsa kellha lil Sidna Ġesu Kristu.  Immaġinaw għal tletin sena Sidtna Marija, u San Ġużepp  ma nafux kemm, għixu flimkien ma’ Ġesu. Dawn it-tnejn għallmu lil binhom meta kien għadu żgħir biex jikber. Imma naħseb li hu wkoll kien jgħallem lilhom. Min jaf dak iż-żmien li dam magħhom kemm qalilhom il-misteri li mbagħad wara, meta mar jipprietka, qalhom ukoll lin-nies. Imma jiena nemmen li l-ewwel li qalhom kien lill-ġenituri tiegħu, lil Marija u lil San Ġużepp.

    Għalhekk nistgħu ngħidu li anke intom qegħdin hawn għaliex ħallejtu lill-Mulej ikollu post fil-ħajja tagħkom, fil-familja tagħkom. Min jaf kemm il-darba kontu f’mumenti diffiċli u ħassejtu li flimkien għandkom titolbu lil Alla l-Imbierek biex jidħol hu ħalli jkun jista’ jgħinkom. Ftakru li l-ewwel miraklu li għamel Ġesu kien fit-tieġ ta’ Kana ma’ żewġ għarajjes. Min jaf meta koppja taċċetta lil Ġesù ġewwa l-familja tagħha, min jaf kemm il-grazzja jagħti il-Mulej lil dik il-familja.

    Jien nixtieq illum f’isem il-Knisja nirringrazzjakom talli l-ewwelnett aċċettajtu din il-missjoni li  trabbu familja fis-sagrament taż-żwieġ. Il-Knisja tirringrazzjakom għax intom mudell anke għal dawk li se żżewġu jew għadhom kif iżżewġu, mudell li l-pjan ta’ Alla l-Imbierek kapaċi jseħħ jekk wieħed jagħti każ tiegħu. U nirringrazzjawkom  ukoll f’isem il-Knisja talli bqajtu fidili għall-wegħda li għamiltu lil Ġesu dakinhar taż-żwieġ tagħkom. Il-Mulej jatikom il-grazzja li hu jkun parti mill-ħajja tagħkom.

    ✠  Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta