• Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja ta’ S. Anna, iż-Żebbiegħ, Mġarr

  • 22 ta’ Settembru 2013

    Ħuti, nibda biex ngħid li kull min ħa sehem biex jibni din il-knisja, diġa ħa sehem fil-konsagrazjoni. Kull ġebla li tqeghdet hawn, kull ħidma li intom għamiltu biex dan il-post jikber, intom ilkoll kontu qed tikkonsagrawh lil Alla, mhux għalina, imma għal Alla l-Imbierek biex imbagħad inkunu nistgħu niltaqgħu miegħu f’dan il-post. U nixtieq ngħidilkom prosit.  Jiena bħala Patri Pawl snin ilu min jaf kemm ġejt fis-sagrestija u għamilt il-quddies u min jaf kemm għamilt ukoll eżerċizzi qabel ma nbniet il-knisja. U allura huwa ferħ kbir għalija li illum qiegħed f’din il-knisja.

    Jiena nixtieq li nieħu l-lezzjonijiet li smajna llum biex jagħtuna dawl fuq x’suppost tkun knisja kkonsagrata, artal ikkonsagrat lil Alla. Nibda mill-Vanġelu tal-lum; ir-rakkont ta’ Żakkew. L-istorja timxi fuq tlett punti differenti: xewqa li jara l-Mulej, stedina tal-Mulej Ġesù, u wara, laqgħa ma’ Ġesù. Dawn it-tlett aspetti għandhom ikunu fil-knisja. Il-knisja hija l-post fejn jiena u aħna niltaqgħu mal-Mulej Ġesù. Fil-kas ta Żakkew saret bidla kbira, għax kienet bidla ta’ rikonċiljazzjoni tal-Mulej. Fil-fatt, meta Żakkew iltaqa’ mal-Mulej dak kollu li f’ħajtu kkunsidrah li kien ħażin, dak neħħieh minnu. Mela din il-knisja, bħad-dar ta’ Żakkew, trid tkun dar ta’ rikonċiljazzjoni. Hawnhekk nilqgħu lin-nies li jridu jagħmlu ħbiberija mal-Mulej, forsi ħbiberija ġdida, u jgħixu f’dak id-dawl.

    Fit-tieni lezzjoni tal-lum (1Pt 2, 1-10)  S. Pietru jgħidilna fuq il-Knisja. Jitkellem fuq il-ġebla li warrbu l-bennejja li tafu li kienet Ġesù, li mbagħad saret il-ġebla tax-xewka għax fuqha mbniet il-Knisja kollha. Kemm hu sabih toqgħod taħseb fuqha!  Dawk ma kellhomx knisja tal-ġebel, fi żmien S. Pietru. Ma kienx qed jgħidilhom għal knisja tal-ġebel imma qallhom: “intom tridu timbnew f’ġebel spiritwali ħalli tagħmlu tempju lil Alla”. Issa llum aħna għandna tempju li aħna nistgħu nifirħu bih, tempju tal-ġebel imma għad fadal l-iktar ħaġa importanti: li kull wieħed u waħda minnkom trid tkun ġebla ħajja propju fil-misteru ta’ dan it-tempju ta’ hawnhekk ħalli tibnu wkoll knisja spiritwali. Ħuti, x’valur jista’ jkollha knisja jekk ma jkollhiex dan it-tempju ħaj? X’valur jista’ jkollha? Issir biċċa mill-istorja, mużew,li fiha ma jkunx inbena dak li huwa t-tempju tal-Mulej. Għalhekk it-tieni ħaġa hija din: il-knisja hi l-post fejn aħna niltaqgħu biex inkunu nistgħu nagħmlu it-tempju tal-Mulej.

    It-tielet riflessjoni li xtaqt li naqsam magħkom hija ta’ Salamun mill-ewwel lezzjoni. Salamun jibni tempju kbir u f’daqqa waħda jiġih id-dubju.  Jibda jgħidlu: “Mulej, allavolja bnejtlek tempju sabih, kif jista’ jkun li int tinżel hawn fuq l-art u tgħammar f’dan it-tempju?”  (ara 1 Slat 8,27)  Salamun kien kapaċi jistagħġeb għall-post li fih niżel il-Mulej, fit-tempju tagħhom. U allura anke aħna, it-tielet riflessjoni ħuti, kull darba li nidħlu hawnhekk, ejjew verament nistagħġbu! Aħna anzi nistagħġu iktar għaliex fit-tabernaklu, hemmhekk, hemm Sidna Ġesù Kristu fl-Ewkaristija. Għalhekk dan il-post ma jistax ikun bħal postijiet l-oħrajn. Dan huwa l-post fejn jgħammar Alla biex aħna nkunu nistgħu mmorru nzuruh u niltaqgħu mieghu. U għalhekk hemm bżonn li aħna ma jkollnix daqshekk kunfidenza żejda li qiesek qed tidħol xi mkien ieħor u mhux f’post qaddis. Hawnhekk irridu nidħlu bl-istagħġib fina li l-Mulej ġie biex jgħammar propju f’din id-dar.

    Riflessjoni oħra li xtaqt li naqsam magħkom heħodha mill-kliem ta’ S. Pietru: “Intom” aħna “ġens maħtur, magħżul, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih biex jixxandar il-Vanġelu”. Araw ftit dal-kelmiet, kważi kważi bil-kemm temminhom. Aħna hekk ġens maħtur? Aħna poplu magħżul? Imma hekk qalilna l-Mulej u la qalilna l-Mulej aħna nemmnuh. U allura rrid ngħid – nifmuha sew – illum se nikkonsagraw din id-dar imma kontinwament, kull darba li nidħlu hawn biex ninvista lill-Mulej jew inkella biex nirċievu l-Ewkaristija,  aħna nkunu qed inkomplu l-konsagrazzjoni li se nagħmlu llum. Titfakru Salamun x’kien qallu lil Alla?  Qallu: “Mulej, dan it-tempju huwa tiegħek, imma kompli ftakar fina għax aħna m’aħniex kapaċi weħidna nkomplu nħalluh li jkun tempju li fih int tista’ tiġi mtellgħa u mgħolli bħala s-sultan tagħna”.

    Dawn huma l-ħsibijiet li xtaqt li naqsam magħkom, forsi nerġa nirrepetihom. Fil-Vanġelu għandna: dan huwa post fejn aħna niltaqgħu mal-Mulej  u nirrikonċiljaw ruħna mal-Mulej. Hawnhekk jinsab il-Mulej bil-mahfra tiegħu. It-tieni: dan huwa l-post, jgħidilna San Pietru fejn il-bniedem irid ikun ġebla ħajja. Donnu jrid jgħid fil-knisja m’hemmx post għal ġebla mejta! Ġebla ħajja biex flimkien, kull wieħed u waħda minna nagħmlu tempju ħaj lil Alla l-Imbierek. Issada hu x-xogħġol ġdid tagħkom!  Diġa għamiltu ħafna sagrifiċċji, issa jonqoskom biex tagħmlu dan ix-xogħol.  It-tielet ħaġa li aħna rajna f’Salamun hija l-istagħġib. Imma kif jista jkun? Għamluha l-mistoqsija kultant lilkom infuskom ħalli jdawwalkom l-Mulej: imma kif jista Alla l-Imbierek jiġi fuq l-art bħala Ewkaristija u jibqa’ fostna? Ma nafux, imma nafu li hu veru u li hawn Ġesù u li aħna nibqgħu nistagħbu bih.

    U l-aħħar riflessjoni: ejja ma niddejqux, ħuti, ngħidu li aħna poplu magħżul, li aħna saċerdozju qaddis għax il-Mulej fil-Magħmudija għamilna s-segwaċi tiegħu imma dawk li jridu jibnu s-Saltna tiegħu. Tiftakru kif spiċċat dik is-silta ta’ S. Pietru? Għalfejn intom sirtu dan kollu? Biex intom tkomplu xxandru l-Vanġelu tiegħu. Kemm hu sabih kieku minn hawnhekk noħorġu ngħidu: ‘jiena se nipprova biex imqar wieħed jew waħda li qegħdin bogħod minn Alla, inwassalhom biex huma wkoll iduqu dak li aħna llum qegħdin induqu l-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja. Għalhekk nidħlu f’dan il-misteru u naħsbu, ħuti kull wieħed u waħa minna, u naħsbu fuq il-grazzja li nieżla fuq dan il-post, biex imbagħad tkun tista’ titqassam mal-poplu kollu.