Kon-Katidral ta’ San Ġwann
14 ta’ Novembru 2012

Kif smajna fil-bidu tal-quddiesa l-akbar ferħ illum huwa kemm tal-gradwandi kif ukoll ta’ dawk li wassluhom biex jiggradwaw.  Imma naħseb li ma dawn irridu inżidu żewġ ferħat oħra: l-ewwel ferħ huwa tal-pajjiż tagħna u tal-poplu tagħna għaliex fikom jara possibbiltajiet aktar għal futur dejjem aħjar. U jien ngħid illum hemm ukoll il-ferħ ta’ Alla l-Imbierek għaliex id-doni li hu takom ħaddimtuhom b’sagrifiċċju kbir imma ma ħlejtuhomx.  Allura nixtieq li f’isem il-poplu, f’isem Alla l-Imbierek, ngħidilkom grazzi tas-sagrifiċċji kollha li intom għamiltu biex wasaltu għal dan il-jum tal-gradwazzjoni.

Jiena naħseb li ħafna minnkom diġa bdew jaħsbu fuq il-karriera, u ġustament, diġa bdew jaħsbu kif il-karriera tagħhom jistgħu imexxuha l-quddiem. U naħseb li din hija ħaġa loġika, u tistenniha.  Xtaqt nagħmel mistoqsija: kulħadd għamel ukoll riflessjoni kif se juża dawn il-fakultajiet kbar li ngħataw lilkom, din l-awtorita li se jkollkom fuq ħafna nies b’mod li jkun etikament tajjeb u b’mod li ġġibu aħjar anke l-ħajja soċjali? Importanti li intom ukoll tirriflettu minn issa u mhux tħallu għal imbagħad, skont dak li jiġri, u mbagħad taraw ftit, imma minn issa stess tagħmlu għażliet li l-quddiem se jiswewkom mhux biss biex tkunu bravi f’dik li hi l-karriera tagħkom imma tkunu wkoll membri qawwijin fis-soċjeta tagħna.

Jiena llum għid li ż-żewġ lezzjonijiet li smajna nistgħu nikkonsidrawhom bħala don ta’ Alla.  Għax ġieli għażilnihom aħna l-lezzjonijiet,  imma dawn iż-żewġ lezzjonijiet huma tal-ġurnata tal-lum; kull min sema’ l-quddies illum, dawn iż-żewġ lezzjonijiet sama’. Allura jiena għidt ħa nipprova naqsam magħkom jiena xħadt minn dawn il-lezzjoniet.

Fl-ewwel lezzjoni S. Pawl qiegħed jikteb lil Titu li kien għamlu isqof ta’ Kreta u S. Pawl ħass li alavolja kien jaf fuq il-valur ta’ Titu xorta ried jagħmillu xi proposti kif hu jista’jgħix ta’ Isqof.  Jiġifieri propjament l-aktar li jmiss huwa lili imma jien nixtieq li naqsam magħkom tlett ħsibijiet li jgħid lil Titu. Jgħidlu: “Kun dejjem imħejji għal kull opra tajba” (3,1).  Min jaf kemm se tiltaqgħu ma’ okkażjonijiet fejn tgħid hawnhekk id-dinja ta’ ħaddieħor nista’ nagħmilha aħjar.  Jgħid S. Pawl lil Titu: “Kun umli” (3,2), jiġifieri l-valur tiegħek ħudu mill-fatt ta’ l-umanita’ tiegħek u mhux mill-fatt ta’ dak li, fejn naf jien, quddiem is-soċjeta jgħaddi. Hu jgħid lil Titu:  “Imxi bi ħlewwa ma’ kulħadd”.  Imxi bi ħlewwa ma’kulħadd!

Naħseb dawn it-tlett suġġerimenti ta’ S. Pawl lil Titu jgħoddu għal kull wieħed u waħda minna għaliex intom kollha se jkollkom, b’xi mod jew ieħor, awtorità fuq il-persuni l-oħrajn. Il-fakultà se tagħtikom awtorità, kemm min se jgħallem, min hu fil-mediċina, avukati – kulħadd se jkollu awtorità fuq xi persuni.  Allura dawn is-suġġerimenti ta’ S. Pawl naħseb li jgħinuna ħafna biex nagħmlu dawn l-għażliet tagħna.  S. Pawl x’qed jgħid hawnhekk? Naħseb li qed jgħid S. Pawl: tinsewx l-umanità tagħkom.  Lil Titu qed jgħidlu: tħallix il-fatt li inti sirt Isqof inessik l-umanità, kif int titratta ma’ l-oħrajn. U din il-kelma xtaqt li naqsamha magħkom: tinsewx l-umanità tagħkom. Il-gradwazzjoni m’għandhiex tnezza lilkom minn dik l-umanità tagħkom, anzi hija għajnuna kbira biex l-umanità tagħkom ikollha ħafna iktar qawwa biex tkun ta’ ġid għall-oħrajn.

Fil-Vanġelu tal-lum (Lq 17, 11-19), aħna rajna ġrajja mill-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Tiftakru x’kienet? Kien hemm għaxar lebbrużi u dawn ġew għand Sidna Ġesù Kristu jitolbuh ifejjaqhom. U Ġesù ifejjaqhom.  Mela naħseb l-ewwel lezzjoni li qed jagħtina Ġesù llum hi li hu kien ifittex lil dawk li huma soċjalment imwarrbin. Ftakru li l-lebbrużi ma kienux biss morda, imma kienu soċjalment imwarrbin mis-soċjetà għax kienu jibżgħu minnhom. U Ġesù ma beżgħax minnhom, anzi hu stess mar ikellimhom u tahom il-fejqan li huma xtaqu.   Imbagħad smajtu. kif tkompli l-istorja li nqasmu fi tnejn dawn l-għaxar lebbrużi.  Kien hemm disgħa minhom li baqgħu sejrin, u kien hemm wieħed biss minnhom, Samaritan, li reġa’ lura għand il-Mulej Ġesù. U smajna il-weġgħa tal-Mulej Ġesù. Ma kien hemm ħadd iktar ħlief dan is-Samaritan biex jiġi jagħti glorja lil Alla?   Jien, meta kont iżgħar, kont naħseb li Ġesu iddispjaċih għax ma qalulux grazzi;  dawk id-disgħa ma qalulux grazzi. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien iktar ma bdejtx nikkonvinċi ruħi. Mela Ġesù qatt ippretenda grazzi għal dak li kien jagħmel? Mela, mhux dik it-tifsira tal-weġgħa ta’ Ġesu. Inqasmu fi tnejn’. Id-disgħa l-oħrajn ħadu il-fejqan u daqshekk, dak is-Samaritan għax reġa mar għand Ġesu, kellu don ieħor issa: sar jaf lil Ġesù, ħares f’għajnejn Ġesù u sar dixxiplu tiegħu. U jiena ħassejtha li din hija l-għażla tal-Insara kollha. Jekk int tridtx tkun mad-disgħa lebbrużi, jiġifieri ’l Alla iddaħħlu, lil Kristu ddaħlu meta jkollok bżonn u l-bqija ma tagħtiex każu, tinsih, jew inkella għandek l-oħrajn li bħas-Samaritan it-tajjeb, lil Ġesu għażluh biex jgħinhom  ifasslu l-futur tagħhom.  Is-Salm Resposorjali llum kien sabiħ ħafna għax igħid inħalli lil Alla jimxi miegħi l-jiem kollha ta’ ħajti. Allura jien se nagħlaq b’din l-aħħar kelma tiegħi. Agħmluha l-għażla llum!  L-aktar li ninkwieta jien jekk ikun hemm xi wħud minnkom li lanqas jippruvaw jaħsbu fuq dak li smajna imma mill-ewwel ineħħuh minn moħħom. Jien dan l-aktar li jinkwetawni! Aħsbu fuqu u ħudu deċiżjoni. Hemm xi wħud minnkom li se jagħmlu deċiżjoni: le, jien irrid nimxi skont moħħi!  So what? Għamilt deċiżjoni għallanqas.  U se jkun hemm xi wħud minnkom li jgħidu: jiena rrid inħalli lil Sidna Ġesu Kristu fil-ħajja tiegħi idawwalni u jmexxini ħalli dak li jiena se nagħmel b’din il-gradwazzjoni li ħadt illum, ngħixha skont Sidna Ġesu Kristu kif għexha man-nies ta’ madwaru.  Il-poplu Malti, Alla l-Imbierek qed jistenna ħafna minnkom ġurnata b’ġurnata.

✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta