• Messaġġ tal-Arċisqof waqt il-Kandidatura ta’ Ħames Żgħażagħ

  • Knisja Parrokkjali tal-Mosta
    14 ta’ Marżu 2013

    L-istorja tas-salvazzjoni tagħna tibda bil-ħolqien. Alla l-Imbierek ħalaq lill-bniedem, raġel u mara, xbieha tiegħu. Imma l-bniedem dineb u allura kellu bżonn is-salvazzjoni. Pereż li ġo fih kellu l-preżenza tad-dnub kellu bżonn lill xi ħadd ieħor biex jidħol għalih u jkun jista’ jsalvah. Is-salvatu ġie fil-milja taż-żmien, kien jismu Ġesù, li ġie biex isalvana. Ġie biex isalvana billi sar bniedem bħalna, daħal fl-umanita tagħna, sar wieħed minna u għaliex issa għandna d-divinita ta’ Ġesù li qiegħda propju fl-umanita tagħna, il-Mulej tana l-grazzja li aħna wkoll nkunu salvi permezz ta’ Ġesù Kristu. Il-misteri tal-ħajja tiegħu kienu misteri li kienu fl-eternita, jiġifieri permezz ta’ dawn il-misteri Ġesù ma qaddisx biss lil dawk li kienu quddiemu imma qaddes lil dawk li ġew mijiet u eluf ta’snin qablu, u lil dawk li ġew warajh. Il-grazzja  ta’ Ġesù qiegħda fuq l-umanita kollha.

    Imma Sidna Ġesù Kristu  kien jaf li bħalma hu salvana f’mument speċifiku, il-grazzja tiegħu li hija mogħtija lil kulħadd, trid tiġi mogħtija lil kull wieħed u waħda minna fiż-żmien. Dik il-grazzja li hi ta’ kulħadd did-darba trid issir tiegħi u tiegħek u tal-ieħor b’mod personali.  Biex dan iseħħ Sidna Ġesù Kristu fl-aħħar ċena waqqaf il-presbiterat, jiġifieri dawk li joffru lilhom infushom lill-Mulej ħalli permezz tagħhom il-grazzja universali tgħaddi lill-bnedmin b’mod personali. Dan huwa l-presibterat. Il-presbiteru, is-saċerdot, huwa dak li qiegħed bejn Alla u l- bniedem, bejn il-grazzja t’Alla u kull bniedem li jrid jirċeviha. Permezz tas-saċerdoti l-grazzja universali ssir il-grazzja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Il-bniede jitlob biex id-dnubniet jiġu maħfura, il-bniedem jitlob biex ikollu s-sagrament taż-żwieġ. Imbagħad il-Mulej, permezz tal-Ispirtu s-Santu fil-persuna tas-saċerdot jagħti l-grazzja tiegħu lil min ikun talabha.

    U dawn iż-żgħażagħ illum dak li se jagħmlu. Qed jgħidulu: Mulej, aħna wkoll nixtiequ nkunu presbiteri tiegħek. Illum huma se jagħmlu jitolbu quddiem il-Mulej u quddiem il-ġemgħa tagħna biex il-Mulej jagħtihom l-grazzja li jkomplu fit-triq li qabdu sa ma jsiru presbiteri. Issa, pass wara l-ieħor, huma jgħaddu minn diversi grazzji speċjali, mill-akkolitat, mill-lettorat, mid-djakonat u fl-aħħar jiġu ordnati presbiteri.

    Smajna tlett lezzjonijiet mill-Iskrittura li għażlu dawn il-kandidati stess. U jien rajthom sbieh għaliex dawn qed jagħtuna tlett idwal, tlett esperjenzi differenti li juruna verament  wieħed kif għandu jgħix il-kandidatura.

    Fl-ewwel lezzjoni smajna li Alla l-Imbierek lil Ġeremija jgħidlu: “jiena għaraftek u qaddistek qabel ma int issawwart f’ġuf ommok” (Ġer 1,5). Mela s-sejħa li għamel lil Ġeremija hija sejħa għal dejjem. Il-grazzja tal-presbiterat hija grazzja eterna li Alla l-Imbierek għarafha sa minn dejjem, imbagħad meta wasalna aħna u sejħilna, dik il-grazzja saret ta’ kull persuna li Alla sejjah għalih. Illum Alla qed isejjaħ lil dawn il-ħames żgħażagħ biex il-quddiem ikunu presbiteri. Lill- Ġeremija Alla l-Imbierek ikompli jgħidlu: “tibżax għax jien se nkun miegħek għal żmienek kollu” (Ġer 1, 8). Mela l-grazzja li se jirċievu hija eterna għax ġejja minn Alla, imma fl-istess waqt meta tingħata ssir font ta’ grazzja f’din id-dinja, meta s-saċerdoti jaqdu d-dmirijiet tagħhom.

    Fil-Vanġelu tal-lum aħna rajna lil Sidna Ġesù Kristu jagħżel erba’ appostli. Il-kelma li qalilhom kienet: Ejjew warajja (Mt 4, 18). Għax jekk timxi wara l-Mulej m’għandekx biża li dak li se tagħmel fil-ministeru saċerdotali se jkun biss uman. Jekk timxi wara Kristu, jekk lil Kristu tħallih li jkun qrib tiegħek permezz tat-talb u l-grazzji kollha li hu jagħtina, Kristu jinqgheda bik biex iwassal il-grazzji tieghu lill-bnedmin.

    Smajna wkoll il-kliem ta’ San Pawl. Fit-tieni lezzjoni San Pawl jitkellem dwar ġisem wieħed. Kull min jaqdi, jrid jaqdi  lil dan il-ġisem wieħed, li l-komunita Nisranija, l-Knisja, il-ġisem ta’ Kristu. Is-sejħa li llum qegħdin jirċievu dawn il-kandidati hi sejħa fil-Knisja u għall-Knisja. San Pawl jgħidilna li d-doni li l-Mulej jagħti lil dawk li jridhom jaqduh fost il-Poplu tieghu, mhumiex għalihom personali, imma huma doni għall-komunita. Mhijiex grazzja personali biss u tieqaf hemm, imma hija grazzja ekkleżjali, grazzja li l-Mulej qed jagħti lill-komunita Nisranija permezz tas-sejħa li jkun qed jagħmel għas-saċerdozju. Għalhekk il-ħajja ta’ min jiġi magħżul għall-presbiterat trid tkun ħajja ta’ radd ta’ ħajr kontinwu lill-Mulej biex dak li joħroġ minna ikun ħiereġ mid-don ta’Alla għall-Poplu tiegħu li hu l-Knisja.

    Għalhekk matul din il-quddiesa, ejjew ningħaqdu fit-talb u niftakru b’mod speċjali f’dawn l-ħames zgħazagħ li l-Mulej sejjaħ biex jaqduh fil-Knisja tiegħu.

    + Pawlu Cremona O.P.

    Arċisqof ta’ Malta