• Konkatidral ta’ San Ġwann
    29 ta’ Ġunju 2014 

    Ħuti, jiena niftakar meta kont żgħir kont  nagħmel din il-mistoqsija: imma għaliex San Pietru u San Pawl, minn barra milli jiġu ffesteġġjati wieħed għalih u l-ieħor għalih, jiġu ffesteġġjati  wkoll flimkien?

    U tafu li hemm diversi raġunijiet, insemmu tnejn biss. L-ewwel waħda għaliex huma l-kolonni tal-Knisja. Fi żmien meta l-Knisja kienet ippersegwitata mid-dinja Rumana u qabel anke mid-dinja Lhudija,  Alla l-Imbierek ta lil dawn l-appostli biex huma jmexxu l-Knisja f’dak iż-żmien daqshekk diffiċli.  It-tieni raġuni hija għaliex aħna nafu li t-tnejn mietu ġewwa Ruma, l-ewwel San Pietru u mbagħad San Pawl imma t-tnejn ħadu l-martirju ġewwa Ruma.

    Jien illum għidt ħalli nagħmlu daqsxejn ta’ ħsieb u paralleliżmu, jiġifieri inxebbħu lil dak li hu San Pawl ma’ dak li huwa San Pietru propju fil-mixja li l-Mulej għamlilhom ħalli jilħqu dixxipli u appostli l-quddiem. Din hija li xtaqt naqsam magħkom illum: kif ippreparahom il-Mulej, kif hemm tixbieħa propju fit-triq li huma t-tnejn għamlu.

    L-ewwel ħaġa li jixbħu lil xulxin fiha hija li t-tnejn fil-konverżjoni tagħhom kellhom jgħaddu minn żmien ta’ umiljazzjoni. Tafu l-istorja ta’ San Pietru meta tlett darbiet ċaħad lill-Mulej u l-Mulej  kien diġa qallu qabel: ‘ejja warajja’. Imma wara li San Pietru mar lura miċ-ċaħdiet tiegħu għaliex huwa tenna kemm iħobb lil Sidna Ġesu Kristu aktar mill-oħrajn, wara dik l-umiljazzjoni Sidna Ġesu Kristu jerġa jgħidlu: ‘mela allura ejja warrajja, mill-ġdid ejja warajja issa li inti ġġustifkat bil-maħfra tiegħi’ (ara Ġw 21, 15-19).

    Min-naħa l-oħra San Pawl kellu wkoll umiljazzjoni kbira. Tiftakru meta kkonverta San Pawl. L-ewwel li għamel il-Mulej meta qallu li hu dak li qed jippersegwita, imbagħad San Pawl għamel tlett ijiem ma jarax. Immaġinaw dan il-bniedem mimli qawwa, mimli saħħa f’daqqa waħda jagħmel dawk il-jiem jiddependi propju mill-oħrajn, kif imexxuh. U dik kienet grazzja għal San Pawl għaliex il-Mulej ried li San Pawl jgħaddi mill-umiljazzjoni l-ewwel, biex imbagħad ikun jista’ jħalli lill-Mulej jidħol ġewwa fih u lil Ħananija jgħammdu (ara Atti 9, 1-9). Mela San Pietru u San Pawl kienu jixxiebħu fil-konverżjoni tagħhom, għalhekk qegħdin infakkruhom flimkien illum.

    It-tieni ħaġa li nistgħu inxebbħuhom fiha li dawn iż-żewġ qaddisin kbar hija t-tweġiba tagħhom għal meta Sidna Ġesu Kristu qalilhom biex jimxu warajh. U t-tweġiba kienet l-istess; fl-affarijiet materjali ma kienux l-istess, imma t-tweġiba kienet l-istess. Nibdew minn San Pietru u tafu li Sidna Ġesu Kristu meta qal lil San Pietru biex jixmi warajh dak ħalla x-xbieki, jiġifieri l-mezz tal-għixien tiegħu, u mar wara Sidna Ġesu Kristu. U aħna nistgħu ngħidu l-istess għal San Pawl għaliex fil-mument li huwa kellu jaħrab ħalli mbagħad imur l-Għarabja, San Pawl kien għaddej minn mument fejn Sidna Ġesu Kristu kellu ukoll jgħallmu biex ikun jista’ jimxi fuq lil-passi tiegħu. U allura kemm San Pawl kemm San Pietru it-tnejn ħallew warajhom il-futur tagħhom biex jimxu wara l-Mulej. Min jaf, imma x’aktarx San Pawl kien jilħaq ħafna bil-ħeġġa li kellu propju fost il-Fariżej, kellu futur fost il-Fariżej, imma ħalla kollox warajh biex jimxu wara l-Mulej Ġesu.

    It-tielet riflessjoni li xtaqt naqsam maghkom hija li kemm San Pawl u kemm San Pietru ġew mgħallma mill-Mulej Ġesu nnifsu, dak li ried jgħidilhom hu stess. Ara d-dixxipli l-oħrajn, imbagħad, bdew jitgħallmu mhux minn Sidna Ġesu Kristu direttament imma bdew jitgħallmu propju mill-appostli li kienu jipprietkaw. U allura għandna din il-fatt: San Pietru kien l-ewwel wieħed li fost l-appostli kollha kien tgħallem mill-Mulej Ġesu. Immaġinaw tlett snin kultant Sidna Ġesu Kristu jgħallimhom, kultant Sidna Ġesu Kristu jikkoreġihom b’mod speċjali lil San Pietru, u hemmhekk San Pietru għamel din il-mixja biex hu jkun mgħallem minn Sidna Ġesu Kristu. Dak li qal San Pietru mhux għaliex semgħu minn għand xi ħadd; dak li beda jipprietka San Pietru għaliex sema’ hu stess u ra hu stess l-għeġubijiet, u beda jipprietkhom. 

    Imbagħad Missierna San Pawl ma setax ikollu dan l-istess privileġġ li kellu San Pietru għaliex ma kienx fost id-dixxipli tiegħu, daħal wara fost l-appostli, u allura naraw lil Alla l-Imbierek jieħu lil San Pawl l-Għarabja. F’waħda mill-ittri tiegħu, San Pawl jispjega li hu ma għallmu ħadd, l-appostli li ra kienu Ġakbu u Pietru biss, mill-bqija ma ra lil ħadd. Jiġifieri t-tagħlim tiegħu ħadu meta kien waħdu fl-Għarabja. Alla l-Missier għallmu dawk il-veritajiet li kien għallem Sidna Ġesu Kristu (Gal 1, 11-20).  Għalhekk San Pawl kien dak li ġie mgħallem minn Sidna Ġesu Kristu personalment biex ikun jaf dak kollu li Sidna Ġesu Kristu għallem lil-poplu li kien hemm madwaru u li ’l-quddiem San Pawl kellu jmur jipprietka.

    Ir-raba’ riflessjoni li nixtieq li nagħmlu flimkien hija li biex kienu jkunu appostli kien hemm bżonn li jkunu jafu lil Ġesu Rxoxt biex ikun jistgħu jipprietkawh, għaliex ikunu rawħ. Biex l-appostlu ma jgħidtx: ‘taf xi smajt, jien?’  Le, ‘jien rajtu lill-Mulej Ġesu, rajtu li qam! U  nista’ ngħidilkom b’dawn l-għajnejn tiegħi stess li jien rajtu li qam’. Għalhekk kien hemm bżonn li huma jkunu jafu u jgħarfu li Kristu rxoxta  U allura meta niġu għal San Pietru aħna naraw li hu kien l-ewwel wieħed, anke San Pawl jgħidha li kien l-ewwel wieħed:  l-ewwel Kefa imbagħad l-appostli l-oħra. San Pawl jgħidha wkoll: ‘l-ewwel deher lil Kefa, imbagħad lill-appostli l-oħra, imbagħad fl-aħħar, bħal xi ħadd barra miż-żmien, deher anke lili.’ Fl-aħħar deher lil San Pawl u San Pawl kellu xhieda personali permezz tas-sensi tiegħu li Sidna Ġesu Kristu qam mill-mewt. U fil-fatt meta aħna naraw lil San Pawl, aħna naraw li hu jiltaqa’ ma’ Ġesu l-ewwel darba fil-konverżjoni tiegħu. Propju meta saret il-konverżjoni tiegħu, kien hemm San Pawl li qal: “min int, Mulej?” hu sema’ lil Ġesu jgħidlu: “Jiena dak li inti qiegħed tippersegwita” u hemmhekk San Pawl iltaqa’ ma’ Kristu rxoxt fit-triq ta’ Damasku (Atti 9 4-5). U allura hu wkoll kien jgħidha għax kultant kienu jinkuh lil San  Pawl u kienu jgħidulu għax ma kienx minn ta’  l-ewwel u San Pawl kien jgħidlhom li hu appostlu għaliex iltaqa’ ma’ Sidna Ġesu Kristu fit-triq ta’ Damsku; bħalma rawh l-oħrajn, huwa rah ukoll.

    Għalhekk, ħuti, ejjew issa inkomplu b’din l-quddiesa. M’hemmx għalfejn ngħidu li din il-festa lilna trid tħeġġiġna biex aħna nagħmlu s-sehem tagħna llum ħalli inkunu nistgħu din is-saltna ta’ Kristu inkomplu  nxerrduha ma’ kullimkien u nwassluha lil kull persuna li nafu aħna u li tista’ tirċievi l-kelma tal-Mulej u tmur warajh.

    ✠  Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta