• Konkatidral ta’ San Ġwann
    5 ta’ Lulju 2014

    Ħuti, intom tafu li minbarra t-twelid ta’ Ġesu u minbarra t-twelid ta’ Marija, fis-sena liturġika aħna niċċelebraw biss it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista. Jista’ jkun hemm ħafna raġunijiet għaliex it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista niċċelebrawh b’tant solennita imma jien naħseb li waħda mir-raġunijiet hija propju għaliex il-missjoni ta’ Ġwanni l-Battista kienet unika. Beda fl-Antik Testment, qabel  ma Kristu wera ruħu, beda jipprietka u kompla jipprietka wara li ġie l-Messija. Huwa l-pont bejn l-Antik Testment u l-ġdid Testment.

    Mhux hekk biss, jiena naħseb li raġuni oħra li nistgħu nsibu hija għaliex it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista kien jixbah ħafna t-twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu minn Marija verġni. Ejjew naraw ftit xi paraguni li hemm.

    Alla l-Imbierek, qabel ma bagħat lil Ibnu fid-dinja, ra li jkollu familja lesta li tilqgħu u trabbih. U sab lill-Madonna u wara sab ukoll lil Ġużeppi li t-tnejn kienu l-ġenituri ta’ Sidna Ġesu Kristu. U aħna rajna l-istess kliem li meta Alla kien se jibgħat lil San Ġwann Battista fid-dinja, l-ewwel ħaġa li għamel għażillu l-ġenituri tiegħu, Eliżabetta u Żakkarija. U t-tnejn jiġu mmarkati, f’dak li qrajna, bl-istess kelma li kien hemm għal Ġużeppi: kienu bnedmin ġusti, jagħmlu dak kollox skont l-liġi ta’ Alla l-Imbierek. Lil San Ġwann il-Battista, Alla lestilu il-familja biex tilqgħu.

    Anke t-tħabbira kienet l-istess. It-tħabbira lil Marija saret qabel ma saret it-tħabbira lil San Ġużepp li se jkollha iben u ssemmih Ġesu. U Sidtna Marija, ovvjament għaliex kienet taf iċ-ċirkustanzi tal-ħajja tagħha, qalet: “kif jista’ jkun ladarba jiena ma nagħrafx raġel?” (Lq 1, 34). Mhux m’emmnitx imma staqsiet biex temmen iktar. Fil-każ ta’ Eliżabetta u Żakkarija, fuq Eliżabeta m’għandna miktub xejn imma fuq Żakkarija hemm miktub li Żakkarija m’emminx dan il-kliem tal-Mulej. U allura huma kienu qegħdin jistennew din it-tarbija għaliex kien hemm it-tħabbira. U kien hemm bżonn it-tħabbira fiż-żewġ ċirkustanzi l-ewwelnett għaliex Sidtna Marija kienet verġni allura kellu jħabbrilha l-anġlu li allavolja hi verġni kien se jitwieled il-Messija minnha, u fil-każ ta’ Żakkarija u Eliżabettta, Eliżabetta kienet imdaħħla fiż-żmien. Qrajna fil-Vanġelu tal-lum: “u ma setax ikollha tfal” (Lq 1, 7). Għalhekk bilfors kellu jiġi l-anġlu biex jgħidilhom lil Zakkarija u Eliżabetta li dak li se jitwieled kellu jkun miraklu minn għand Alla. Fil-fatt għalhekk m’emminx Żakkarija għax kien qata’ qalbu. Imbagħad daħlet il-qawwa tal-Mulej li għamel possibli dak kollu li ħasbu li kien impossibli.

    Meta l-anġlu deher lil Żakkarija dan qallu: “int trid issemmih Ġwanni” (Lq 1, 13). U dak tħawwad għaliex is-soltu kienu jsemmu t-trabi skont il-familji tagħhom. Il-quddiem jgħidulu li ħadd ma kien hemm Ġwanni fil-familja tiegħu imma hu insista “jien irridu jissejjaħ Ġwanni” (Lq 1, 60). U xi tfisser dik il-kelma? Ġrat ukoll fil-ħajja ta’ Ġesu meta qalulu t-tifel tiegħek isemmih Ġesu. U dan  għandu tifsira profonda ħafna u din it-tifsira hija li la darba kien Alla li tah l-isem allura dak kien ta’ Alla. Min jagħti l-isem kien ikollu l-qawwa li dak li jkun twieled ikun tiegħu. Għalhekk kienu jkunu l-ġenituri li jagħtu l-isem, għalhekk f’dan il-każ kien l-anġlu li f’isem il-Mulej ta l-isem ta’ Ġwanni lil Ġwanni l-Battista.

    Dak li rajna fil-Vanġelu, dak li l-anġlu jgħid lil Żakkarija, kollox seħħ fil-ħajja ta’ Ġwanni l-Battista. Dik kienet profezija dwar dak li se jkun Ġwanni l-Battista. Ejjew niftakru ftit mill-kliem li qal l-anġlu lil Żakkarija. Hu qallu li dan ikun kbir quddiem il-Mulej. U aħna nafu li Sidna Ġesu Kristu qal li min ulied in-nisa m’hemm ħadd li huwa kbir daqs Ġwanni l-Battista. M’hemm ħadd li twieled kbir daqs Ġwanni l-Battista!. Araw meta tara dawk il-profeti kbar kollha qrib il-Mulej, u Ġesu jasal biex jgħid li dan huwa l-ikbar fosthom kollha.

    Smajna wkoll dak li qal l-anġlu lil Żakkarija li dan it-tifel jimtela’ bl-Ispirtu s-Santu fil-ġuf ta’ ommu, mhux jistenna li jitwieled imma fil-ġuf ta’ ommu. U naħseb li aħna nistgħu nagħmlu paragun. Meta Sidtna Marija iltaqgħet ma’ Eliżabetta tafu din qalet li t-tarbija qabżet fi ħdana. U hemm ħafna li jgħidu li dak kien il-mument meta, permezz ta’ Ġesu u permezz ta’ Marija, l-Ispirtu s-Santu daħal f’Ġwanni l-Battista. Kien dak il-mument li fih Ġwanni l-Battista aċċetta l-Ispirtu s-Santu li kien  qiegħed ġo fih. Kien għadu f’ġuf ommu. Ma nafux li kien hemm każi simili oħra ħlief ovvjament fil-każ ta’ Sidna Ġesu Kristu li kien l-iben t’Alla li sar bniedem.

     Imbagħad iktar il-quddiem għidna li dan Ġwanni  l-Battista kellu jkun dak li jreġġa’ ħafna mill-poplu ta’ Israel lejn il-Mulej. U naħseb il-missjoni prinċipali li kellu Ġwanni l-Battista kienet propju li permezz tal-magħmudija tal-indiema huwa jreġġa’ l-poplu lejn il-Mulej biex iħejjilu triqatu. Ġwanni l-Battista kien dak li ħejja l-poplu biex ikun jista’ jilqa’ lill-Mulej għaliex kien jipprietka il-miġja tal-Messija.

    Ġwanni  l-Battista ġie biex ilesti t-triq għall-Mulej biex isib poplu lest għall-miġja tiegħu. Meta tiftakar li diversi mill-appostli u d-dixxipli ta’ Ġesùkienu ġew mid-dixxipli ta’ Ġwanni, tifhem li ovvjament hu lestihom biex meta deher il-Messija f’daqqa waħda dawn jitilqu mal-Messija u jkunu l-ewwel dixxipli, l-ewwel appostli ta’ Sidna Ġesu Kristu, mħeijjija tajjeb minn Ġwanni l-Battista.

    Ejjew nitolbu lill-Mulej biex dik il-ħeġġa li kellu Ġwanni l-Battista tkompli tistedinna biex aħna wkoll nkunu nistgħu nlestu t-triq għall-Mulej biex jiġi fostna.

    ✠  Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta