Għeżież Missjunarji,

Wasal Milied ieħor. Il-Milied huwa l-mument meta aħna nindunaw dejjem iktar bl-imħabba ta` Alla l-Missier lejna l-bnedmin, meta tana lil ibnu biex jiġi fostna u jqaddes il-ħajja tagħna u jsalvana għal ġejjieni fid-Dehra tal-Missier.

Kull nisrani li jifraħ b’din il-verita` huwa ukoll mħajjar biex dan isir “bxara” tajba, bix-xewqa li jgħaddiha ukoll lill-oħrajn biex huma wkoll jifirħu miegħu.  Din hija s-sejħa li tiġi mis-sinjal tal-‘Effetah’: tisma` u xxandar il-Bxara t-tajba. Niżżu ħajr ‘l Alla li hemm ħafna li jgħixu l-fidi tagħhom b’dan il-mod, iżda għad hemm ħafna ukoll xi jsir biex kull membru tal-Knisja jgħixha b’dan il-mod.

Għeżież missjunarji: intom għalina lkoll eżempju għaliex din il-bxara qed tgħadduha anki b’ħafna sagrifiċċji.  F’isimna intom mortu tħabbruha f’ħafna postijiet oħra.  Nixtieq li l-ferħ tal-Milied intom tħossuh fid-dawl tat-tweġiba personali tagħkom għal din is-sejħa: huwa permezz tagħkom li aħna Knisja ‘missjunarja’.

Jiena ħsibt li l-awguri tiegħi jkunu l-kliem sabiħ li l-Papa Benedittu XVI qalilkom fil-Grotta ta` San Pawl, ir-Rabat, fis-17 ta` April ta` din is-sena, meta żar lil pajjiżna.

“Il-ħidmiet appostoliċi ta` Pawlu taw ukoll ħsad għani fil-ġenerazzjonijiet ta` predikaturi li segwew il-passi tiegħu, u b’mod partikolari fl-għadd kbir ta` saċerdoti u reliġjużi li imitaw iż-żelu missjunarju tiegħu billi ħallew Malta biex iwasslu l-Evanġelu fi xtut imbiegħda.  Jien ferħan li kelli l-opportunita` li niltaqa` ma` tant minnhom illum f’din il-knisja ta` San Pawl u nħeġġiġhom fis-sejħa sfidanti u spiss erojka tagħhom.”

“Għeżież missjunarji: Jien nirringrazzja lilkom ilkoll. F’isem il-knisja kollha, għax-xhieda tagħkom għall-Mulej imqajjem u għall-ħajjiet imgħoddija fis-servizz tal-oħrajn.  Il-preżenza  u l-attivita` tagħkom f’tant pajjiżi tad-dinja tagħmel unur lil pajjiżkom u tixhed għal stimulu evanġeliku li jinsab imħawwel fil-fond fil-Knisja f’Malta.  Ejjew nitolbu lill-Mulej biex isejjaħ ħafna iktar irġiel u nisa ħalli jkomplu jmexxu ‘l quddiem il-missjoni nobbli tax-xandir tal-Evanġelu u jaħdmu għall-avanz tas-Saltna ta` Kristu f’kull art u poplu”.

Ħuti: dawn il-kliem huma wkoll ix-xewqat tajba tiegħi u tal-Knisja f’Malta, għal dan il-Milied.

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta