Messaġġ mill-Arċisqof Charles Scicluna

L-ewwel nett insellem lil kull min qed jieħu sehem u nirringrazzja ħafna u mill-qalb lil kull min ipprepara u ħa sehem bil-preżentazzjonijiet li kellna dalgħodu. Għandna ħafna materjal x’nomogħdu; jiġifieri diffiċli ħafna toħloq reazzjoni meta inti f’dawn id-90 minuta kont ibbumbardjat b’tant informazzjoni, b’tant osservazzjonijiet, b’tant riflessjonijiet; inklużi anke r-riflessjonijiet profondi li ta Ranier Fsadni. 

Nirringrazzja ħafna lill-Fakultà tat-Teoloġiija li ffaċilitat din ir-riċerka li għandha l-validità tagħha, imma nifhmu wkoll, li hemm persentaġġ għoli tal-popolazzjoni tagħna li ma jirrispondux sondaġġi online, jiġifieri rridu nagħmlu wkoll riċerka qabel nieħdu konklużjonijiet apodeittiċi (stabbiliti b’mod ċar) jew dommatiċi li dawk l-elf persuna jew iżjed li rrispondew huma ta’ ċertu indikazzjoni, imma hemm ukoll perċentwal ta’ nies li jkunu fuq Facebook, imma mhux bilfors jirrispondu sondaġġi online. Dan ifisser ukoll li hemm bżonn niċċekjaw, nagħmlu kontroanaliżi, anke permezz ta’ mezzi oħrajn ta’ sondaġġi, bħal bit-telefown eċċ; bħalma konna għamilna fl-2017, fil-każ tal-parteċipazzjoni tal-quddiesa.

Meta nara l-linġwaġġ li qed nużaw għal xulxin u bejnietna online, nara kriżi ta’ valuri ta’ umanità

Din is-sena kif tafu għandna din l-isfida ġdida, għax kull għaxar snin l-istat jagħmel iċ-ċensiment tiegħu. Tradizzjonalment iċ-ċensiment tal-quddies kien issir fl-istess ħin, fl-istess okkażjoni taċ-ċensiment statali. Imma fi żmien Mons. Cremona dan ma sarx, meta mbagħad sirt arċisqof, għamilna wieħed li kien mhux fl-istess żmien, għax l-għaxar snin ma kinux għaddew, proprju għaddew din is-sena mill-aħħar wieħed, imma konna għamilna wieħed fl-2017.

Din is-sena ovvjamanet, wara sena u iżjed milqutin bil-pandemija, irridu nirriflettu kif għamilna permezz tal-inizjattiva tal-fakultà u anke bl-esperjenzi li qed ninnutaw fuq il-parroċċi fil-knejjes tagħna, u anke bil-feedback li jkollna għax-xandir tal-quddies permezz tat-televiżjoni u l-mezzi soċjali, fejn qegħdin tassew. Imma mhix kwistjoni biss ta’ ritwal. Meta jistqasuni dwar il-kwistjoni ta’ kemm qegħdin jiġu nies il-knisja, l-unika statistika xjentifika li għandna hi tal-2017. Interessanti ħafna kif qalilna Fr Paul, ir-riżultati għadhom fl-istess ilma; għax aħna fit-2017 konna diġà kellna dak ir-riżultat li 70% jipparteċipaw fl-Ewkaristija, almenu darba fix-xahar. Hemm ċertu livell li lħaqna hemmhekk, ma nafx ’il quddiem x’se jiġri.

Biss hemm affarijiet oħra li hemm bżonn jippreokkupawna, Ranier Fsadni wkoll, b’xi mod poġġa suba’ fuq il-ferita, konxju li għandna ġenerazzjoni li għadhom tfal ċkejknin fl-esperjenza tal-fidi. Anke għaliex mhumiex esposti bħalma qal hu għar-ritmu tas-sagramenti bħalma kien ikun ġenitur jew inkella persuna adulta fil-passat. Din hi sfida kbira ta’ evanġelizzazzjoni għalina; jiġifieri, meta nara l-linġwaġġ li qed nużaw għal xulxin u bejnietna online, nara kriżi ta’ valuri ta’ umanità. Qed nitkellmu fuq l-Evanġelju, jiena ngħid li dan jagħmilna tassew bnedmin. Imma aħna għandna kriżi ta’ umanità, li jista’ jkun li hi wkoll indikazzjoni ta’ kriżi ta’ fidi, imma mhux biss.

Nixtieq nirringrazzja lil ħafna kappillani li fil-Covid taw xhieda wkoll, f’din is-sitwazzjoni li għaddejna minna u għaddejjin minna ta’ karità konkreta. Mhux biss kappillani, imma wkoll reliġjużi, u l-Caritas. Dawn huma affarijiet li hemm bżonn ikomplu, għaliex l-esiġenzi konkreti se jibqgħu magħna. Il-kriterju ta’ Mattew 25, meta Ġesù fil-Ġudizzju se jsaqsina fuq l-Opri tal-Ħniena, għandu jkun kriterju importanti ħafna. Jekk ir-ritwal tagħna ma jwassalx għal dik il-karità konkreta, allura qegħdin f’diffikultà kbira.

Issa jista’ jkun li ż-żgħażagħ tagħna huma mbegħdin, jista’ jkun ukoll li bil-maturazzjoni taż-żmien bħalma għallimna Ġesù fiż-żewġ parabboli li qrajna f’tal-11-il Ħadd, tal-lbieraħ, ta’ San Mark; għandna bżonn ukoll nagħtu ftit ċans, biex iż-żerriegħa ma ssirx żbula u tkun lesta għall-ħsad mil-lum għal għada. Il-Mulej ukoll iridna nieħdu paċenzja għall-proċess ta’ maturazzjoni, li jieħu ż-żmien. San Pawl juża żewġ atteġġjamenti sbieħ tal-Mulej, u nieqaf b’dan il-ħsieb, u hemm bżonn li nirriflettu ħafna iktar fuqhom. Jitkellem dwar il-misericordia, jitkellem dwar il-ħniena; imma jitkellem ukoll dwar il-paċenzja ta’ Ġesù. U aħna għandna bżonn naddottaw iż-żewġ atteġjamenti tiegħu.       

Issa intom tgħiduli, jekk inti qed tgħidilna li hemm proċess u li lesti nistennew, id-domanda fundamentali li npoġġi jien ukoll hi: hemm proċess? Il-poplu tagħna qiegħed fi proċess ta’ maturazzjoni? Dik jiddependi wkoll ftit minna, li nieħdu l-okkażjonijiet li l-ġest żgħir, dik iż-żerriegħa tal-mustarda, niżirgħuha fil-komunitajiet tagħna bix-xhieda tagħna, bil-kelma tagħna, b’kull mezz; imbagħad inħallu lil Alla jkabbar.

Nawguralkom u nirringrazzjakom mill-qalb.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta