Żgur li ħadd minna mhu se jlum lil dawk in-nies li marru jfittxu lil Ġesù. Kellhom l-esperjenza tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut, u għalihom Ġesù kien dak li jista’ jipprovdilhom dak li għandhom bżonn. Għalhekk marru jfittxuh u, meta ma sabuhx, qasmu bid-dgħajjes għan-naħa l-oħra. U meta fl-aħħar sabuh, qalulu, qishom biex jilmentaw: “Rabbi, meta ġejt hawn?” Speċi: ħrabtilna min-naħa l-oħra!

U Ġesù, li dejjem jitkellem ċar u bla kantunieri, jgħidilhom: “Intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu s-sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu.” Jgħidilhom Ġesù: intom mhux għax rajtu s-sinjali u emmintu, m’għandkomx din il-fidi fija; imma qed tfittxuni għal dak li pprovdejtilkom. Imbagħad jgħidilhom: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għal ħajja ta’ dejjem”.

Ħa nħarsu ftit lejn Ġesù. Ġesù hu dak li dejjem jitkellem ċar u li ma jfittixx li jingħoġob man-nies, mal-folla. Innutaw kif dak li jagħmel Ġesù u li jgħidilhom mhuwiex biex in-nies jieħdu pjaċir. Ma jfittixx li jgħid lin-nies dak li huma jridu jisimgħu, imma jgħidilhom dak li għandhom bżonn jisimgħu. Għalhekk Ġesù hu dak li jgħin lin-nies biex jagħrfu ma jiġrux wara dak li hu materjali u li jgħaddi, imma wara dak li jibqa’ għal dejjem. Ġesu jitkellem ċar u jagħraf tassew il-bżonnjiet tan-nies.

Meta nħares lejn ħaddieħor, ma naħsibx x’se nikseb mingħandu jew minn fuq dahru, imma kif nurih tassew rispett bħala persuna.

Hu jgħinhom biex jibdlu l-mistoqsija tagħhom. Innutaw ftit kif meta ġrew biex isibuh lil Ġesù, il-mistoqsija f’moħħhom kienet: X’se niksbu? X’se nakkwistaw? X’se jagħtina? Ġesù jgħinhom biex jibdlu din il-mistoqsija, b’mod li fl-aħħar il-mistoqsija tagħhom hi: “X’għandna nagħmlu?” Dik hi l-mistoqsija importanti ħafna. Narawha fil-kelma ta’ Alla. Niftakru pereżempju, iktar ’il quddiem fl-Atti tal-Appostli, meta San Pietru joħroġ jagħti l-aħbar li Kristu qam mill-mewt, li Kristu hu ħaj, lil dawk in-nies miġbura hemm minn postijiet differenti. Meta spiċċa Pietru, il-mistoqsija tan-nies kienet: x’għandna nagħmlu? U Ġesù jgħidilhom hawnhekk: “emmnu f’dak li huwa bagħat”. Emmnu, din il-fidi tagħkom għixuha fil-ħajja ta’ kuljum.

Għalina, din is-silta tal-Evanġelju hi dawl għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, biex aħna, meta nħarsu lejn Alla, ma naħsbux biss fuq x’se niksbu, x’se nakkwistaw, x’se jagħtina. Anke t-talb, ma jkunx biss “agħtini, agħtini”. Imma nħarsu lejn Alla b’mod li jkollna dik il-fidi sħiħa fih u fl-imħabba tiegħu, u li hu jaf dak li għandna bżonn, u jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina, anzi jgħinna nintebħu bil-bżonnijiet veri tagħna, dawk l-aktar profondi tal-qalb tagħna. Imbagħad din is-silta tgħinna fir-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin; biex aħna, meta nittrattaw lil xulxin bħala persuni, ma nħarsux lejn l-oħrajn u f’moħħna jkollna: x’se nieħdu, x’se nakkwistaw minn dawn, x’se jagħtuna? Imma r-relazzjoni tkun ta’ relazzjoni ta’ rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna. Meta nħares lejn ħaddieħor, ma naħsibx x’se nikseb mingħandu jew minn fuq dahru, imma kif nurih tassew rispett bħala persuna.

Nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fiduċja fih, u li jgħinna fil-ħajja tagħna biex nitħabtu mhux għal dak li jgħaddi imma għal dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju