L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

L-espressjoni “għajn b’għajn u sinna b’sinna” hi espressjoni magħrufa li ġieli nisimgħuha wkoll fi żmienna. Forsi ħafna nies ma jafux li meta nsibuha fit-Testment il-Qadim din ma kinitx tfisser vendikazzjoni imma kienet anzi limitazzjoni, restrizzjoni, biex ma jkunx hemm vendikazzjoni. Dak iż-żmien, fejn fis-soċjetà għal kull daqqa li taqla’ tagħti ħafna aktar, kienu daħħlu fil-liġi “għajn b’għajn u sinna b’sinna” biex ikun hemm ġustizzja; biex min iressaq ilment, flok jieħu l-liġi b’idejh, ikollu għal dak li sofra kumpens jew azzjoni li tkun ugwali għal dak li jkun sofra. Għalhekk “għajn b’għajn u sinna b’sinna” biex issir ġustizzja.

Imma meta għadda ż-żmien, kien hemm min fehemha mod ieħor, u kien hemm min imbagħad użaha b’mod ieħor: li “għajn b’għajn u sinna b’sinna” tfisser fil-fatt vendikazzjoni. Jiġifieri xi ħadd tak daqqa ta’ ħarta, int tagħtih oħra; xi ħadd għamillek azzjoni ħażina, int tagħmillu azzjoni ħażina.

Meta inti timxi b’mod ta’ vendikazzjoni “għajn b’għajn u sinna b’sinna” tfisser li int dipendenti fuq ħaddieħor.

Ġesù bil-kelma tiegħu hawnhekk iridna mmorru ’l hinn minn “għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Irid jurina kif meta nimxu warajh, l-attitudni tagħna għandha tkun differenti. Meta timxi “għajn b’għajn u sinna b’sinna” tidħol f’ċirku vizzjuż: jagħmlulek xi ħaġa, tagħmel xi ħaġa int, u tibqa’ sejjer, għaddej b’dan iċ-ċirku vizzjuż li ma jħallilek qatt il-paċi fil-qalb. Fil-fatt, din narawha: kemm nies ikollhom din il-passjoni fihom li jridu jivvendikaw ruħhom għal xi azzjoni ħażina li rċevew, u qatt ma jkunu fil-paċi. U l-agħar ħaġa hija qalb mingħajr paċi.

Hemm ħaġa oħra wkoll. Meta inti timxi b’mod ta’ vendikazzjoni “għajn b’għajn u sinna b’sinna” tfisser li int dipendenti fuq ħaddieħor. Qatt ma hemm dik il-libertà, il-ferħ, il-ħajja ġdida, għax tiddependi minn x’qed jagħmillek ħaddieħor. Int imbagħad tagħmel ir-reazzjoni għal dak li jagħmillek ħaddieħor – tiddependi minnu jew minnha.

Ġesù għalhekk jitkellem illum b’mod ċar u radikali, biex jgħinna noħorġu minn din il-mentalità ta’ vendikazzjoni, ta’ tpattija, għall-ġid tagħna stess. Jitkellem hawnhekk bi kliem li jfakkarna fil-bżonn li neżaminaw lilna nfusna biex ma nħallux li jmexxina l-egoiżmu tagħna. Mhux qed jgħid hawnhekk li aħna ninkoraġġixxu l-ħażen, li nkunu kollaboraturi ma’ min jagħmel il-ħażen jew nikkoperaw fl-inġustizzji li jsiru. Mhux qed jgħid hekk Ġesù, imma qed jgħid: dak li għandna nagħmlu, irridu nagħmluh mingħajr spirtu vendikattiv, mingħajr is-sens ta’ tpattija qisna qegħdin għal ħaġa ħażina li rċevejna npattu deni b’deni. Dak li ma jridx Ġesù, minn dak irid jaqlagħna, u għalhekk iħeġġiġna biex aħna nkunu dawk li nkissru dan iċ-ċirku vizzjuż bl-imħabba li ngħixu, bil-ħajja ġdida, ħalli nkunu tassew dixxipli tiegħu.

Nitolbuh illum, ispirati minn din il-kelma tiegħu, biex aħna jkollna dan l-Ispirtu tiegħu, li hu għallimna b’mod daqshekk ċar u li hu wriena b’ħajtu b’mod daqshekk qawwi.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju