L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir.” Dan huwa l-kliem mill-Profeta Iżaija li l-Evanġelju ta’ San Mattew jieħu biex juri kif seħħ f’Ġesù. Hawnhekk għandna lil Ġesù fil-bidu tal-ministeru tiegħu meta minn Nazaret imur f’Kafarnahum fil-Galilija.

Diġà qiegħed jimxi minn post għal ieħor. U d-dettalji li jagħtina l-Evanġelju, speċjalment id-dettalji ġeografiċi, juru li Ġesù kien bniedem li twieled fl-Istorja, f’lokalità partikulari – Alla li nkarna fl-umanità. Jurina wkoll kif l-Evanġelju minnu nnifsu hu l-Aħbar it-Tajba li trid tixtered. Hawnhekk Ġesù jmur f’post b’influwenzi pagani. Imur hemm biex hemmhekk ukoll jaqdi l-missjoni tiegħu. L-Evanġelju, minnu nnifsu, ma jistax jibqa’ f’rokna jew magħluq f’komunità jew fi grupp, imma jrid jixtered. Hu dak li Ġesù jixtieq u li jagħmel hu stess mill-bidu nett tal-ministeru tiegħu.

F’liema sens “il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir”? Hawnhekk l-Evanġelju stess jurina għaliex Ġesù kien dawl għall-poplu. Kien dawl bl-imħabba u bil-kompassjoni tiegħu qalb it-tbatija. Kien dawl bit-tagħlim tiegħu, “l-Evanġelju tas-Saltna” li jsemmi hawnhekk; it-tagħlim tiegħu kien għan-nies dawl fid-dlam. Għalhekk anke l-verità li kien iwassal, il-verità f’kuntrast mal-gideb, kif smajna fl-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu, id-dawl f’kuntrast mad-dlam. Kien dawl ukoll fil-fejqan; hawn għandna diversi nies li kellhom l-esperjenza ta’ fejqan. Ukoll il-fejqan fir-ruħ, il-maħfra – għalhekk hu jagħmel dak l-appell biex nindmu, ħalli jinħafrulna l-ħtijiet tagħna. Għalhekk diversi nies kellhom din l-esperjenza ta’ Ġesù ta’ dawl fid-dlam.

Bl-imħabba li Alla juri magħna, bit-tagħlim tiegħu, bil-verità li jwasslilna, bil-fejqan, u bil-maħfra tiegħu, Ġesu jkun id-dawl li jmexxina anke f’mumenti ta’ dlam.

Din kienet esperjenza li lil Ġesù għamlitu popolari. Hawnhekk, fil-bidu tal-ministeru tiegħu, jgħidlek li folol kbar ta’ nies minn kullimkien imxew warajh, marru ħdejh. Imma Ġesù qatt ma ħalla l-popolarità titla’ għal rasu. Hawnhek il-meetings li kellu, id-dimostrazzjonijiet, nies b’entużjażmu, ma tellfuhx lil Ġesù. Hu baqa’ dejjem iwassal dan id-dawl ta’ Alla. Kien jaf li jekk f’dal-mument in-nies qed jimxu warajh jew miegħu għax jaraw id-dawl fid-dlam, jiġi mument fejn se jagħżlu d-dlam flok id-dawl. Meta jagħmlu hekk, bħalma kellu esperjenza ’l quddiem Ġesù, u bħalma kellu Ġwanni l-Battista li dak il-ħin kien arrestat il-ħabs minħabba f’hekk, meta n-nies jagħżlu d-dlam flok id-dawl ma jfissirx li d-dlam jiġi tajjeb u d-dawl jiġi ħażin, imma jfisser li n-nies ikunu għamlu għażla huma, għażla ħażina.

X’inhu l-messaġġ li jagħti lilna llum dan l-Evanġelju? Il-Kelma ta’ Alla tħeġġiġna biex aħna wkoll inħarsu lejn Ġesù u jkun għalina d-dawl għal ħajjitna. Bl-imħabba li hu juri magħna, bit-tagħlim tiegħu, bil-verità li jwasslilna, bil-fejqan, u bil-maħfra tiegħu, Ġesu jkun id-dawl li jmexxina anke f’mumenti ta’ dlam.

Tħeġġiġna wkoll biex meta nirċievu d-dawl tiegħu, aħna wkoll inkun dawl għall-oħrajn, speċjalment bix-xhieda tal-ħajja tagħna u b’kelma ta’ ġid li nistgħu ngħidu. B’dan il-mod inkunu għajnuna għall-oħrajn. Dan nagħmluh anke jekk inkunu f’ambjenti fejn meta nippruvaw nagħmlu t-tajjeb, naraw qisu dlam madwarna. Tkun qisha xemgħa żgħira fi dlam ċappa. Il-kelma ta’ Alla tħeġġiġna biex dik ix-xemgħa żgħira nkomplu nixegħluha, għax tagħmel id-differenza. Vallapena tixgħel anke xemgħa żgħira, għax dak ikun dawl ta’ għajnuna wkoll f’ambjent ta’ dlam. Għalhekk illum nitolbu lill-Mulej biex nirċievu d-dawl tiegħu f’ħajjitna, u jgħinna biex imbagħad aħna wkoll inkunu dawl għall-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju