World Meeting of Families logo

Familji minn ħames kontinenti qed jiltaqgħu f’Milan għas-7 Laqgħa Dinjija tal-Familja. Ikunu l-istess familji li l-Ġimgħa wara nofsinhar jilqgħu lill-Papa Benedittu XVI mal-wasla tiegħu fil-kapitali tal-Lombardija.

Il-familji li qed jieħdu sehem, ġejjin minn 100 pajjiż, li jinkludu Guinea Bissau – wieħed mill-ifqar pajjiżi, kif ukoll l-Awstralja – fuq in-naħa l-oħra tad-dinja,  mhumiex sempliċiment jassistu għal dak li qed jiġri, imma qed jieħdu sehem attiv fl-inizjattivi kollha, bħall-‘Kungress tat-Tfal’, li jgħaqqad lill-parteċipanti żgħar. Fl-ewwel laqgħa, mijiet ta’ tfal, talbu f’ilsienhom waqt li żammew idejn xulxin, it-talba tal-Missierna, bl-intenzjoni tmur għall-ġenituri tagħhom u l-vittmi tat-terremot li laqat iż-żona Emiglia Romana u parti mil-Lombardija. Kien att ta’ solidarjeta li ngħaqad mal-ġbir ta’ fondi organizzat minn Family 2012 u Caritas Ambrosiana.

Fil-qosor, bħall-messaġġ fuq l-ikbar kartelluni juri, “f’Milan, il-bibien huma miftuħa għad-dinja kollha”. Dan minħabba li l-familja, minkejja l-bidliet kbar u l-isfidi quddiemha, tibqa’ l-ġebla tax-xewka tal-ħajja u tas-soċjeta ċivili. Il-Kardinal Angelo Scola, Arċisqof ta’ Milan, enfasizza li l-laqgħa dinjija “kienet mill-bidunett maħsuba li tkun attivita stedina biex kulħadd jidħol fi djalogu mal-ħtiġijiet fundamentali ta’ kull persuna”. Fl-istess ħin, fi kliem il-President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Familja, il-Kardinal Ennio Antonelli, “l-attivita f’Milan, bħal kull laqgħa personali u ġenwina bejn persuni differenti, hi karatterizzata minn netwerk rikk, kumpless u interessanti ta’ relazzjonijiet” li wieħed għandu jagħraf u jilqa’ b’sens ta’ “gratitudni, passjoni u intelliġenza”.