Vatican Council II

Permezz ta’ dokumentarju ġdid li se jkun qed jitnieda biex jimmarka l-50 anniversarju mill-Konċilju Vatikan II, nhar il-11 t’Ottubru li ġej, il-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali se jkun qed jagħti l-opportunita li wieħed jifhem aħjar x’kien ġara ħamsin sena ilu.

Amalgamat mill-kumpanija Micromegas Communication minn madwar 200 siegħa ta’ materjal mill-arkivju tal-Vatikan, il-produzzjoni tinkludi xeni li qatt ma dehru pubblikament, kif ukoll intervisti ma’ mexxejja tal-Knisja madwar id-dinja kollha li lkoll kemm huma jiftakru u jirrakkuntaw it-tifkiriet li għandhom flimkien ma’ perspettivi storiċi tas-sinifikat tal-Konċilju f’pajjiżi differenti u kuntesti kulturali diversi.

Mit-tħabbir li kien sar minn Papa Ġwanni XXIII lura f’Jannar tal-1959, għat-tħejjijiet u tliet snin ta’ ħidma mill-Isqfijiet u l-assistenti tagħhom, il-film jiżvela dettalji ġodda u tamiet li jagħtu lok għal fehim imġedded ta’ dan l-avveniment ta’ grazzja għad-dinja Nisranija ta’ żmienna.