L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-anġlu Gabrijel mibgħut minn Alla għand xebba, li kien jisimha Marija, “f’belt tal-Galilija jisimha Nazaret” (Lq 1:26); fid-djalogu ma’ din ix-xebba rżina jitkellem dwar il-wirt tagħha. “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù” (Lq 1:30-31). L-isem Ġesù jiġbor il-missjoni ta’ dan it-tifel: ‘Alla Salvatur’; ‘Yeshua’ – Alla jsalva. L-anġlu lil Marija jispjegalha min hu binha: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq 1:32-33).

Din it-tfajla ta’ xi 16-il sena, tisma’ dan il-kliem fuq it-tarbija li tkun qiegħda tnissel fil-ġuf bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu: ‘Ikun kbir’; ‘jissejjaħ Bin il-Għoli’; ‘ikollu it-tron ta’ David missieru’; ‘isaltan għal dejjem’; ‘ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu’. Aħna nistgħu nimmaġinaw li tfajla, li tisma’ lit-tifel tagħha hu dan is-sultan kbir, xi ftit jitlgħalha ftit għal rasha. Imma mhux Marija ta’ Nazaret. Marija ta’ Nazaret, hi u tifhem li qed tnissel ir-Re tar-Rejiet, tuża l-kelma ‘qaddejja’. “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38).

L-ewwel att tal-Madonna, hi u ġġorr lir-Re tar-Rejiet fil-ġuf, mhuwiex att ta’ prestiġju, wisq inqas ta’ arroganza; imma att ta’ servizz. Dak iż-żmien, Marija marret tħaffef lejn l-għoljiet tal-Lhudija, u marret għand Eliżabetta u qagħdet tliet xhur magħha sakemm welldet lil binha. Din kienet ir-reazzjoni ta’ dik li kienet qed iġġorr fil-ġuf tagħha s-Sid tas-Sidien, Bin il-Għoli, ir-Re tar-Rejiet, li s-saltna tiegħu ma tispiċċa qatt.

“Jiena l-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1:38) u l-ewwel ħaġa li għamlet bħala Omm Alla hi li taqdi, li tkun qaddejja, li tkun ta’ servizz. Nistgħu ngħidu li l-Madonna hi l-ewwel waħda li tpoġġi fil-prattika dak li l-Papa Franġisku jsejjaħlu ‘l-istil tal-Evanġelju’: il-viċinanza, il-kompassjoni, u t-tenerezza. Fiż-żjara tagħha għand Eliżabetta tesprimi dawn is-sentimenti, tmur qrib Eliżabetta, li fi xjuħitha saret omm. Tifraħ u ġġorr magħha l-aħħar ġimgħat mimlijin ansjetà tat-tqala f’età mhux żagħżugħa. Turi wkoll din it-tenerezza lejn din it-tarbija li tissejjaħ bil-kmand ukoll tal-Mulej: ‘Ġwanni’ għax ‘Alla ħanin’.

Il-Madonna fehmet li inti ssaltan fost il-bnedmin u qalb il-bnedmin billi tisraqilhom qalbhom bil-ħlewwa, bil-kompassjoni, bil-ġid, u bil-qadi.

“Jiena l-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1:38). It-tifel ta’ Marija, li fit-tmien jum jissejjaħ Ġesù, kif kien ordnalha l-anġlu Gabrijel – Alla jsalva. Ġesù stess jgħid: “Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mt 20:28). Hekk isaltan it-tifel ta’ Marija, u m’hemmx dubju li l-Madonna fehmet li inti ssaltan fost il-bnedmin u qalb il-bnedmin billi tisraqilhom qalbhom bil-ħlewwa, bil-kompassjoni, bil-ġid, u bil-qadi.

Aħna u niċċelebraw lil Marija, sultana tas-sema u tal-art, qed inqimuha bħala l-qaddejja tal-umanità għax ġiet afdata f’idejna u aħna ġejna afdati f’idejha, meta kienet ħdejn is-salib ta’ Binha. “Ġesu qal lil ommu: Mara, ‘hawn hu ibnek’. Mbagħad qal lid-dixxiplu: ‘Hawn hi ommok’. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19:26-27). Mhux għax ma kellhiex min jista’ jieħu ħsiebha għax oħtha stess kienet hemm. Imma l-Mulej, ma jafdax lil ommu għand il-familja naturali tagħha; imma lill-familja ta’ dawk li emmnu – tad-dixxipli. U jagħżel bħala l-ewwel iben spiritwali tagħha lid-dixxiplu l-maħbub; li ma staħax li jkun ħdejn l-Imgħallem il-maħbub, anke fil-punt l-iżjed aħrax tad-dgħufija tiegħu, tal-umiljazzjoni tiegħu, tal-kundanna tiegħu, tal-mewt tiegħu. Nistgħu ngħidu, li anke d-dixxiplu li jieħu ħsieb il-Madonna, u li jiġi afdat f’idejha; għax ma qalilhiex biss ‘hawn hu ibnek’; imma wkoll ‘hawn hi ommok’. Hi se tieħu ħsiebek, inti ħu ħsiebha.

Jalla intom f’qalbkom tifhmu l-vokazzjoni li għandha din il-kommunità, li tfakkar lil pajjiżna li min irid isaltan irid ikun ukoll qaddej.

Imma x’inhi dik li tindika lid-dixxiplu l-maħbub? L-ewwel nett, il-preferenza fl-imħabba li l-Mulej kien iħares biha fuq dan id-dixxiplu, li t-tradizzjoni tgħidilna li hu Ġwanni; imma wkoll l-fedeltà ta’ dan id-dixxiplu l-maħbub, li ma jistħix mill-mument tad-dgħufija tal-Imgħallem. L-oħrajn ħarbu: min ċaħdu, min ittradih. Ġwanni kien hemm.

Aħna r-reazzjoni tagħna, intom li żejjintu l-istatwa ħelwa tal-Madonna ta’ Marija Reġina bl-istellarju, x’idea għandkom ta’ Marija Reġina? X’tifhmu meta tgħidu: ‘Viva Marija Reġina’? Veru li fl-istatwa mlibbsa bħala sultana, bix-xetru ħdejn binha mlibbes il-kuruna; imma dawk huma sinjali ta’ glorja li għandha fis-sema; għax qalbha kienet dejjem il-qalb ta’ qaddejja li tħobb. Min irid isaltan jitgħallem iħobb. Marija Reġina hi sultana tas-sema u tal-art għax bl-imħabba tagħha, li hi don kbir ta’ Alla, li hu mħabba, lil omm ibnu. L-imħabba tagħha tgħatti l-univers, bl-interċessjoni, bil-viċinanza, bid-dmugħ tagħha – kemm ta’ ferħ u kemm ta’ niket. Dik hi l-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija: il-qalb tal-imħabba safja, tal-imħabba sabiħa.

Allura, aħna nifirħu b’dan it-titlu; wara kollox għażiltu din id-data tat-22 ta’ Awwissu, li fid-dinja kollha tiċċelebra tmint ijiem wara l-festa tal-Assunta u tikkonkludi l-festa l-kbira tal-Assunta billi tfakkarna, li kif ngħidu fil-ħames misteru tar-Rużarju: ‘Meta Sidtna Marija, ġiet inkurunata Sultana tas-Sema u tal-art mit-Trinità Qaddisa.’ (Biex inkunu għaqqadna l-Marsa kollha.) Għax il-ħames Misteru tal-Glorja, mhux hekk hu?

Jalla l-Marsa, fl-għażliet pastorali tagħha tibqa’ tħaddem u tħaddan il-ħames Misteru tal-Glorja. Jalla intom f’qalbkom tifhmu l-vokazzjoni li għandha din il-kommunità, li tfakkar lil pajjiżna li min irid isaltan irid ikun ukoll qaddej.

Viva Marija Reġina!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 9:1-3;5-6
Salm: 112: 1-8
Qari II: Lhud 2:14-18
L-Evanġelju: Lq 1:26-38